“Serquli diversi affarijiet ta’ valur, iżda l-agħar ħaġa mhux għax serqu l-flus, iżda għax daħluli fil-privatezza ta’ dari – mingħajr dan qatt ma kien mistenni. Nixtieq nappella sabiex iċ-ċittadini joqgħodu b’seba’ għajnejn”.
Sostniet din il-persuna ma’ Net News li fid-19 ta’ Jannar daħlu fl-appartament tiegħu fl-inħawi ta’ Żonqor, f’Wied il-Għajn, sgassawlha l-bieb ta’ barra u ġarrewha.
Permezz ta’ kameras tas-sigurtà l-ħalliel inqabad jaqbez minn mal-ħadid li hemm fit-triq quddiem ix-xatt sabiex mexa lejn il-blokka ta’ appartamenti tar-residenza tal-vittma.

Ġie spjegat li nsterqu madwar €10,000 f’oġġetti fosthom laptops, arloġġi, flus kontanti u fwejjaħ. Kif ukoll numru ta’ ċwievet. Filmati meħuda mill-kameras tas-sigurtà juru l-mument ukoll meta l-ħalliel ħareġ mir-residenza, fejn fiha għamel madwar tlett kwarti sħaħ iqalleb u jaħtaf dak kollu li jiġi taħt idejh.
Il-vittma spjega li saħansitra kellu l-bagalja tal-ivvjaġġar misruqa, fejn fiha x’aktarx il-ħalliel ġarr l-affarijiet misruqa.
Il-filmati miġbuda juru wkoll li s-suspettat ma kienx waħdu iżda tal-inqas kien hemm persuna oħra tistennieh barra, allegatament għassa mal-bieb ta’ barra.
Filwaqt li l-Pulizija għaddejjin bl-investigazzjonijiet meħtieġa, kull min għandu xi informazzjoni dwar il-każ għandu jinforma lill-membri tal-Korp minnufih.
