Lokali

JINQABAD: Robert Abela kien jitħallas €17,000 fix-xahar minn butna

Dokumenti li waslu għand it-Times of Malta jikkonfermaw li għal sitt snin sħaħ, sa ma daħal f’Kastilja bħala Prim Ministru, Robert Abela kien qed jitħallas minn butna €17,000 fix-xahar għas-servizzi legali li kien jagħti lill-Awtorità tal-Ippjanar. Dan meta fi żmien Gvern Nazzjonalista, dan il-ħlas kien ta’ madwar €7,000.

L-istorja tal-lum fit-Times tikkonferma li minn dan il-kuntratt biss, Abela spiċċa jdaħħal f’butu eluf ta’ ewro għal sitt snin sħaħ; f’kuntratt li laħaq tela’ għal €17,000 fix-xahar. B’sorsi qrib il-klikka ta’ Joseph Muscat jgħidu illi mhux ta’ b’xejn li Abela fl-aħħar jiem ma sabx kliem biex jikkundanna l-kuntratt oxxen ta’ Carmen Ciantar, li qed iddaħħal €13,000 fix-xahar.

Illum il-ġurnata, dan ix-xogħol legali qed isir mill-PA stess. Iżda fil-perijodu li kien f’idejn l-uffiċċju ta’ Robert Abela, il-ħlas ammonta għal total ta’ €1.2 miljun. Bil-kelliem tal-Prim Ministru jgħid li Abela kien jitħallas dawk l-eluf kollha għax kien jaħdem sa tard bil-lejl u fil-weekends.

Jidher li f’Kastilja kienu jafu li Robert Abela se jinqabad f’dan l-iskandlu l-ġdid, u kien propju għalhekk li l-Ħadd ma waqafx biex iwieġeb id-domandi ta’ Net News.

Il-Prim Ministru fl-aħħar jiem evita għal kollox li jkollu xi forma ta’ kuntatt mal-media minħabba s-serje ta’ stejjer serjissimi li ħerġin fuq il-Gvern tiegħu, u fuq temi li jitrattaw il-governanza tajba.