Eluf ta’ dimostranti li qed jipprotestaw dwar direttiva biex is-sewwieqa tat-trakkijiet ( truckers) jingħataw bilfors il-vaċċin kontra l-Covid-19 reġgħu paralizzaw il-kapitali Kanadiża Ottawa għat-tieni jum konsekuttiv.
Dawn it-truckers – li jivvjaġġjaw mill-fruntiera tal-Kanada lejn l-Istati Uniti – kienu qed jieħdu sehem fi protesta mlaqqma ‘Konvoj għall-Ħelsien’, bil-pulizija qed tinvestiga l-inċidenti li seħħew waqt id-dimostrazzjoni, fejn, fost oħrajn, spikkaw il-bnadar bis-swastika, li hu simbolu ewlieni tan-Nażiżmu.
Il-Ministru tal-Kanada għad-Difiża, Anita Anand, fissret l-aġir tat-truckers bħala assolutament inaċċettabbli. Dan meta l-awtoritajiet qed jinvestigaw id-‘desekrazzjoni’ ta’ diversi monumenti f’Ottawa u inċidenti fejn is-sewwieqa heddew jew ippruvaw jintimidaw lill-pulizija u l-ħaddiema fil-kapitali.
Is-sewwieqa tat-trakkijiet anki mblukkaw it-toroq madwar il-bini tal-Parlament Kanadiż, bis-Sindku ta’ Ottawa, Jim Watson isostni li wħud mit-truckers ‘ippersegwitaw’ lill-ħaddiema ta’ soup kitchen fejn insistew li jingħataw l-ikel b’xejn wara li ma riedux iservuhom is-sidien tar-ristoranti minħabba li d-dimostranti ma kenux lebsin il-maskri.
Il- Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau, u l-familja tiegħu fi tmiem il-ġimgħa, kienu telqu minn darhom minħabba s-sitwazzjoni tas-sigurtà delikata.
Illum madwar 90 fil-mija tal-120,000 truckers Kanadiżi li jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti u lura huma vaċċinati. Madankollu d-dimostranti qed jipprotestaw mhux biss biex it-truckers ma jingħatawx il-vaċċin iżda biex ‘jispiċċaw il-mandati tal-vaċċin minn tarf sa tarf tal-Kanada’. Id-dimostranti beħsiebhom ikomplu bil-protesti ‘sakemm il-Gvern iwaqqaf il-mandati b’mod uffiċjali’.
Intant, l-Istati Uniti qed tinsisti biex is-sewwieqa tat-trakkijiet barranin juru bilfors il-provi li ngħataw it-tilqima kontra l-Covid jekk iridu jidħlu fl-artijiet tal-Amerikani.
//= $special ?>