Niġerjan ġie kundannat 13-il sena ħabs u mmultat €30,000 wara li nstab ħati f’ġuri li aktar minn 12-il sena ilu pprova jittraffika mill-inqas kilo kokaina. Huwa nstab ħati tal-akkużi kollha mill-ġuati b’seba’ voti favur u tnejn kontra. F’Awwissu tal-2009,
Kofi Otule Friday kien assoċja ruħu ma’ ċertu Austin Uche u Tony Johnson, ukoll Niġerjani, li jittraffikaw 949 gramma kokaina lil terzi f’Malta għall-prezz ta’ €20,000. Fil-Qorti ħareġ li Uche informa lil Johnson li kien jaf lil xi ħadd f’Malta li ried jixtri kilo kokaina, u kien lest jagħmel minn kollox biex jittraffikaha.
Johnson qabel ma’ Uche biex jiġbor il-kokaina mid-dar ta’ Frifay, f’San Pawl il-Baħar. Wara li ġabar id-droga, Johnson mar iċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa biex jiltaqa’ ma’ Uche. Il-pjan kien li jiltaqa’ ma’ terza persuna li tixtri d-droga għas-somma ta’ €20,000.
Madankollu, il-pjan sfaxxa meta l-Pulizija ġew infurmati u arrestaw lil Uche u Johnson fl-inħawi ta’ Għajn Dwieli f’Raħal Ġdid meta nqabdu fil-fatt mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga. Dakinhar il-Pulizija sabet borża sewda li kien fiha l-kokaina. Il-valur fit-triq tagħha kien stmat għal aktar minn €72,000 wara li esperti kkonkludew li kellha purità ta’ 33%.
Fl-2013, Johnson kien ikkundannat disa’ snin ħabs u mmultat €30,000 filwaqt li f’Marzu ta’ sentejn ilu, Austin Uche, intbagħat ħames snin ħabs u mmultat €7,000 wara li wieġeb ħati tal-involviment fil-każ. Imħallef Aaron Bugeja ikkritika dewmien mill-Prosekuzzjoni tal-każ fid-deċiżjoni tiegħu, u ikkritika ukoll il-fatt li l-ġuri sar aktar minn 12-il sena wara li Friday kien tressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ.
Qal li huwa kompletament żbaljat li l-Prosekuzzjoni ħadet dan iż-żmien kollu għad-detriment tal-ġustizzja. Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef ordna l-konfiska tal-assi kollha ta’ Kofi Otule Friday favur il-Gvern f’Malta. Għal Friday deher l-Avukat tal-Għajuna Legali Simon Micallef Stafrace.
//= $special ?>