Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji qed titlob lill-Gvern biex ineħħi numru ta’ miżuri u taxxi fuq prodotti bażiċi biex b’hekk il-poplu Malti u anke n-negozji jerġgħu jieħdu r-ruħ… hekk kif matul l-2020, 56% tan-negozji f’Malta m’esperjenzaw l-ebda qligħ jew saħansitra raw tnaqqis fil-qligħ.
Dan ħareġ minn stħarriġ li sar mill-SMEs waqt preżentazzjoni li twasslet it-Tnejn filgħodu fejn tressqu sett ta’ proposti biex jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi.
Fost it-talbiet tal-SMEs hemm li titneħħa s-SISA fuq prodotti bażiċi bħal ilma, ikel, u prodotti ta’ iġene, jitnaqqas il-VAT minn 18% għal 15.5% u li ż-żmien ta’ kwarantina jonqos għal ħamest ijiem.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs, Abigail Agius Mamo spjegat kif in-negozji qed jesperjenzaw sfidi kbar, b’uħud saħansitra kellhom inaqqsu l-operat jew saħansitra jgħalqu n-negozji tagħhom.
L-SMEs qalu li minkejja li n-negozji raw titjib fil-bejgħ fuq is-sena ta’ qabel, dan ma jfissirx li l-qligħ kien wieħed tajjeb hekk kif is-sitwazzjoni fl-2020 ma kinitx waħda tajba.
Minn riċerka li saret mill-SMEs, jidher li l-Gvern, matul l-2022 se jkun qed idaħħal mad-€900,000 mit-taxxa tas-SISA meħuda fuq l-ilma, €3,200,000 fuq xorb ieħor li mhux alkohol, u miljun ewro fuq prodotti tal-iġene. Dan fih innifsu qed ikun rifless ukoll fiż-żieda tal-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi.
Dwar is-sitwazzjoni tal-Covid, 71% tan-negozji Maltin huma favur li titnaqqas il-kwarantina, 58% favur li jitnaqqsu r-regoli tal-ivjaġġar, u 56% favur li jitnaqqsu r-restrizzjonijiet f’pajjiżna.
//= $special ?>