Lokali Qorti

Sentenza ta’ 11-il sena ħabs tinżel għal seba’ snin fuq traffikar ta’ kannabis

Żewġt irġiel li kien ġew kundannati 11-il seba ħabs bejniethom fuq traffikar ta’ aktar minn nofs kilo kannabis, kellhom is-sentenza tagħhom imnaqqsa għal seba’ snin wara li l-Qorti tal-Appell laqgħet it-talba tagħhom b’mod limitat għal riduzzjoni fil-piena, minħabba diversi fatturi, fosthom li huma għamlu progress f’ħajjithom, it-trapass taż-żmien u li għenu lill-Pulizija fil-każ.

Andre Falzon ta’ 34  sena mill-Qawra u Sean Farrugia ta’ 36 sena minn Birkirkara kienu nstabu ħatja u ġew ikkundannati 11-il sena ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja mill-Maġistrat Marseann Farrugia li ttraffikaw kważi 700 gramma kannabis. Falzon kien ikkundannat sitt snin, filwaqt li Farrugia ħamsa, bil-Qorti tal-Appell tnaqqis il-piena għal erba’ snin u tliet snin rispettivament.

Il-pulizija kienet arrestat liż-żewġt irġiel f’Ottubru tal-2009 wara li omm Falzon sabet pakkett kannabis li jiżen 684 gramma. Falzon u Farrugia ammettew li l-pakkett kien ittieħed hemmhekk minn Farrugia mir-residenza ta’ terza persuna wara li ma riedx jirritorna kartiera li kien fiha €400, li Falzon kien nesa fir-residenza tar-raġel.

Farrugia kien ta l-pakkett lil Falzon biex iżomm sakemm il-kartiera ġiet lura. It-tnejn ġew immultati €4,000, liema multa baqgħet fis-seħħ mill-Qorti tal-Appell.  Aktar investigazzjonijiet ippermettew lill-pulizija jarrestaw lil raġel l-ieħor, David Bajada, li llum għandu 32 sena min-Naxxar.

Bajada kien mixli bit-traffikar, kultivazzjoni u pussess ta’ kannabis kif ukoll li kellu u ttraffika 240 gramma eroina. Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Edwina Grima qalet li Fazlon u Farrugia  qed jikkontendu li huma ppruvaw jirriformaw ħajjithom miż-żmien tal-kummissjoni tar-reati.

Mill-provi li nstemgħu fir-rigward, għalkemm huwa minnu li llum huma qegħdin jagħmlu l-almu tagħhom biex jegħlbu il-vizzju tad-droga li ħakmitilhom ħajjithom,  madanakollu dan il-każ jikkonċerna traffikar ta’ droga f’ammont mhux negliġibbli.

Fil-fatt għal dan il-motiv ewlieni l-Qorti ma tistax tagħmel dak mitlub minn Andre’ Falzon , dik li meta tiġi biex tqis dan l-aggravju għandha tieħu in konsiderazzjoni id-disparità  mal-piena inflitta fuq David Bajada ta’ sena priġunerija, billi l-każ tiegħu huwa marbut mar-reat ta’ traffikar ta’ droga kienu differenti, bl-ammont allegatament traffikat ikun anqas u wkoll billi Bajada ġie illiberat mir-reat tal-assoċjazzjoni.

L-Imħallef Grima qalet li dak li ma qiesitx l-Ewwel Qorti, li kellu jimpinġi fuq il-kwantum tal-piena, huwa r-rwol li kellhom Falzon u Farrugia, f’din il-konġura kriminali, fejn mill-provi jirriżulta, illi huma aġġixew bħala intermedjarji fl-iskambju li seħħ tal-ammont ta’ madwar 700 gramma droga, b’dawk li verament kienu nvoluti b’mod dirett  qatt ma ġew interċettati mill-pulizija.

Il-Qorti qieset ukoll t-trapass taż-żmien minn meta seħħew ir-reati u l-fatt illi ż-żewġ appellanti għamlu progress f’ħajjtihom.  u li ukoll fil-konfront tagħhom għandhom jiġu applikati l-artikolu 29 tal-Kap.101, (lok għal tnaqqis fil-piena wara li  l-prosekuzzjoni tiddikjara li l-persuna għenet lill-Pulizija , l-piena għandha titnaqqas bi grad jew tnejn).

Għal dawn il-motivi il-Qorti laqgħet b’mod limitat l-appell imressaq minn Andre’ Falzon u Sean Farrugia u rriformat is-sentenza appellate, tikkonfermaha fejn sabithom  ħatja tal-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom, iżda varat il-piena karċerarja inflitta u kkundannat lil Andrè Falzon għal piena ta’ erba’ snin priġunerija u lil Sean Farrugia għal tliet snin priġunerija u tikkonferma s-sentenza appellata fil-bqija. L-Avukat Arthur Azzopardi deher għal Farrugia u għal Falzon deheret l-Avukat Veronique Dalli.