Ilbieraħ, għall-ħabta tat-2000hrs, il-Pulizija ġiet infurmata li kienet seħħet serqa minn ħanut fi Triq l-Isqof Emm. Galea, iż-Żejtun.
Il-Pulizija marret fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari jidher li żewġt irġiel mgħammda u armati b’sikkina, daħlu fil-ħanut u talbu l-flus lill-kaxxiera – żewġ nisa ta’ 40 sena u 25 sena rispettivament. Iż-żewġt irġiel ħarbu minn fuq il-post wara li serqu ammont ta’ flus kontanti. Il-kaxxiera ma sofrew l-ebda ġrieħi f’dan l-inċident.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Elaine Mercieca li fetħet inkjesta filwaqt li l-Pulizija għaddejja bit-tfittxija għaż-żewġt irġiel involuti fis-serqa.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
//= $special ?>