Il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson aċċetta r-rapport ippreparat minn uffiċjal ewlieni taċ-ċivil u li semma ‘il-fallimenti fit-tmexxija u l-ġudizzju’ relatati mal-uffiċjali tal-Ministru u l-Uffiċċju tal-Kabinett f’Londra.
Ir-rapport mistenni kien jinvolvi numru ta’ festini li saru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’10 Downing Street (f’Londra) u Boris Johnson talab skuża lid-deputati li ppakkjaw il-House of Commons ( Parlament) biex jisimgħu d-diskors tiegħu.
Ir-rapport tal-uffiċjal Sue Gray sostna li l-festini relatati mal-Gvern waqt l-impożizzjoni tal-lockdown għall-kumplament tal-poplu Britanniku irrappreżentaw ‘falliment serju’ mit-tmexxija wara li imponiet il-kriterji tas-sigurtà għall-pubbliku fl-ewwel xhur tal-pandemija, fl-2020.
Hi enfasizzat li numru ta’ laqgħat wara l-bibien ta’ Downing Street ‘ma messhom saru qatt u (anki) ma messhomx żviluppaw b’dak il-mod’.
Sue Gray investigat mas-16-il avveniment li saru f’perjodu ta’ 20 xahar iżda l-Pulizija Metropolitana qed tinvestiga biss 12 minnhom.
Min-naħa tiegħu, Boris Johnson qal li, fid-dawl tar-rapport, hu se jimplimenta l-bidliet fit-tmexxija tal-Uffiċċju ta’ Downing Street u kif għandu jitmexxa l-Uffiċċju tal-Kabinett. Intant, il-Kap Laburista fl-Oppożizzjoni, Keir Starmer, akkuża lil Boris Johnson b’li qed’ jinħeba wara investigazzjoni tal-pulizija.
Fil-fatt, ir-rapport ta’ Sue Gray jibqa’ kruċjali għal Johnson minħabba li għad hemm possibbiltà li d-deputati Konservattivi fil-Parlament jisfurzaw vot dwar it-tmexxija tal-Prim Ministru.
Min-naħa tiegħu, Johnson qal li l-pandemija kienet diffiċli għal kulħadd u rikonoxxa li l-Gvern tiegħu kien talab lill-Britaniċi biex jagħmlu s-sagrifiċċji kbar. Hu kompla li jifhem ir-rabja tan-nies u li ‘mhux biżżejjed li wieħed jiskuża ruħu fiċ-ċirkustanzi’.Filwaqt li enfasizza l-ħsieb għal bidliet kbar ‘fit-tmexxija ta’ Downing Street u l-Uffiċċju tal-Kabinett’, Boris Johnson qal ukoll li wasal iż-żmien għal reviżjoni tal-kodiċi tal-kondotta għaċ-ċivil fl-Ingilterra.
//= $special ?>