Wara l-istorja maħruġa minn Net News dwar dak li qed jiġri fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca fil-Ħamrun, Net News irċieva aktar messaġġi mingħand ġenituri, fejn infurmawna b’aktar stejjer ta’ bullying.
Omm li tkellmet magħna qaltilna li wara l-aħbar li ħarġet minn dan l-istazzjon, l-amministrazzjoni tal-Kulleġġ pruvat tiddiskredita din l-istorja, b’ġenitur partikolari qalilna li “inċidenti ta’ bullying kien hemm, u mhux ftit.”
Il-persuni li tkellmu magħna saħqu li kien hemm tifla, li spiċċaw qatawla subgħaja…. filwaqt li studenta oħra spiċċat l-isptar wara li ntefgħat it-taraġ.
Omm oħra qaltilna li hemm studenti li minħabba l-bullying spiċċaw f’dipressjoni, bl-ulied ibatu l-konsegwenzi għal snin twal wara li jkunu sofrew l-abbuż, u oħrajn spiċċaw jirċievu l-mediċina sal-lum il-ġurnata.
Missier spjega magħna li f’waqtiet il-lezzjonijiet ma jsirux għax ikun hemm min joqgħod itellef, bl-għalliema jispiċċaw kważi lanqas jistgħu jagħmlu l-lezzjoni…. xi ħaġa li mhux biss saret darba, imma ssir kontinwament.
Omm oħra li tkellmet magħna qalet li aħjar minflok l-amministrazzjoni ħliet il-ħin biex tibgħat l-email lill-ġenituri, il-Kulleġġ ħa ħsieb li jagħmel strateġija biex il-bullying ikun indirizzat b’mod serju.
Wara li rċevejna din l-informazzjoni bagħtna numru ta’ domandi lill-amministrazzjoni tal-Kulleġġ San Ġorg Preca biex fost l-oħrajn naraw x’miżuri qed jittieħdu fil-Kulleġġ biex din il-vjolenza ma tibqax issir, u kemm saru sessjonijiet ta’ informazzjoni mal-ġenituri dwar il-bullying.
Fl-aħħar storja ppubblikata minn Net News dwar dawn il-każi ta’ bullying…. il-pulizija kkonfermaw magħna dak li qalulna l-ġenituri, u li s’issa kien hemm 3 rapporti ta’ vjolenza fost l-istudenti fil-Ħamrun, fejn il-Pulizija ħarġet akkużi fuq każ minnhom filwaqt li fuq l-oħrajn il-pulizija qalu li l-persuni involuti huma kollha minuri u għandhom taħt l-14-il sena u għaldaqstant ma jkunx hemm lok ta’ azzjoni kriminali kontrihom.
//= $special ?>