Valanga kbira, kaġunata mill-akbar inċidenza ta’ xita fl-Ekwador għal dawn l-aħħar 20 sena, ħalliet talanqas 11-il mejtin fil-kapitali Quito. Dan waqt li l-awtoritajiet għall-emerġenzi fil-pajjiż kienu qed jistennew żieda fl-ammont tal-vittmi aktar ma jgħaddi l-ħin.
It-traġedja seħħet meta gliegel sħaħ ta’ tajn imħallat mal-blat niżlu minn mal-ġnub tal-vulkan Pichincha li jinsab mal-limiti tal-belt u bir-riżultat li numru ta’ djar, flimkien ma’ zona għal rikreazzjoni, spiċċaw koperti minn ‘baħar ta’ tajn’. Ir-rapporti qalu li weġġgħu l-għexieren tan-nies, bil-mewġa tat-tajn tkaxkar magħha numru sinifikanti ta’ karozzi.
L-esperti tat-temp qalu li l-inżul tax-xita fuq il-muntanja ( vulkan) u l-madwar fl-aħħar sigħat kien ‘madwar 40 darba akbar mill-ammont tax-xita li kien imbassar’. Fl-aħħar sigħat spikkaw il-filmati tax-xeni devastanti fi Quito, bl-uffiċjali għall-emerġenzi u l-pulizija jkomplu bl-għajnuna tas-salvataġġ f’dik iz-zona.
//= $special ?>