Internazzjonali

Emirati Għarab: Viżjoni  komuni ma’ Iżrael rigward it-theddida tal-Iran…u l-Houthi

Iżrael u l-Emirati Għarab qed jikkonsolidaw ‘viżjoni komuni’ dwar it-theddida reali u preżenti mill-Iran fundamentalista.

Intant, iż-żjara, fl-aħħar sigħat, tal-President Iżraeljan Isaac Herzog fl-Emirati kienet qed issir fost l-attakki mill-militanti tal-Houthi li huma appoġġjati mill-Iran u li jikkontrollaw diversi bnadi  fil-Jemen. Kemm Iżrael u l-Emirati qegħdin jirreferu għal dawn l-attakki bħala azzjonijiet terroristiċi.

L-Emirati Għarab għadhom jinterċettaw il-missili sparati lejn Abu Dhabi mill-Houthi, bil-President Iżraeljan jinsisti biex ikompli biż-żjara tiegħu irrispettivament mill-element ta’ periklu involut. Il-militanti li qed jiġġieldu kontra koalizzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdija ilhom il-ġimgħat jisparaw il-missili waqt li joperaw l-attakki bid-drones kontra Abu Dhabi.

Madankollu, ir-rapporti sostnew li l-Houthi qegħdin jiffaċċjaw pressjoni kbira waqt li qegħdin  jitilfu ħafna ġellieda fil-kampijiet ta’ battalja fil-Jemen.

Fl-aħħar sigħat, il-Prinċep ta’ Abu Dhabi, Mohammed bin Zayed al-Nahyan irringrazzja lill-President Iżraeljan għall-pożizzjoni tiegħu u ta’ Iżrael fil-konfront ‘tal-attakki terroristiċi fuq il-faċilitajiet taċ-ċivili fl-Emirati’.

Dan meta Iżrael u l-Emirati Għarab Magħquda qed jindirizzaw ‘bl-istess viżjoni’ is-sorsi tat-theddid għall-paċi u l-istabbilità reġjonali. Huma jidhru wkoll li qed iżidu l-impenji għat-tkattir ta’ politika u strateġija internazzjonali  kontra l-militanti Houthi u qawwiet terroristiċi oħrajn.

Min-naħa tiegħu, Herzog qal li pajjiżu jinsab lest biex jgħin lill-Emirati jilqa’ l-isfida għas-sigurtà attwali filwaqt li kkundanna kull forma ta’ attakk fuq is-sovranità tal-pajjiż Għarbi. Fil-preżent, l-Emirati Għarab u Iżrael qed jiddiskutu ‘aspetti ta’ kooperazzjoni’ taħt il-Ftehim għall-Paċi magħruf bħala l-Abraham Accords u li kien iffirmat miż-żewġ pajjiżi fl-2020.