Lokali

“Għalina €1.75 … u għal Robert Abela l-eluf”

Meta impjegat ikollu jaħdem is-Sibt u l-Ħadd, il-paga żgur ma tiżdidlux b’€10,000 fix-xahar daqs kemm ħa Robert Abela. Paga bombastika li Abela akkwista mill-Awtorità tal-Ippjanar, qabel ma sar Mexxej tal-Labour, għal xogħol li qabel ma’ daħal għalih kien hemm ħlas ta’ €7,000 – li sploda għal €17,000 fix-xahar.

Fuq il-media soċjali, ħafna stqarrew li mhux ta’ b’xejn li Robert Abela mhux iħoss il-polz tal-poplu dwar l-għoli tal-ħajja… mhux ta’ b’xejn li l-Prim Ministru huwa kompletament maqtugħ mir-realtà tan-nies. Meta lill-ħaddiema ingħatawlhom biss il-1.75 tal-COLA.

Net News tkellem ma’ numru ta’ persuni.. b’uħud minnhom ma jiddejqu xejn jgħidulna kif jaħsbuha dwar din l-aħħar storja xokkanti li f’nofsha hemm Robert Abela.

Il-Prim Ministru minn naħa tiegħu iġġustifika l-paga ta’ €17,000 fix-xahar għaliex qal li kien jaħdem fil-weekend. Kummenti li ħolqu rabja enormi fuq il-media soċjali, speċjalment fost ħaddiema li jaħdmu sigħat twal, anke s-Sibt u l-Ħadd. U li għall-għoli tal-ħajja ingħataw 1.75, mill-istess persuna li qala’ 17,000EUR fix-xahar minn flus l-istess poplu, li qed jaffaċjaw żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi.

Ma naqsux ukoll il-kummenti fuq Facebook. B’ħafna jgħidu li dawn il-flus li daħħal Abela kienu “pastażata”. Uħud qalulu li “ma jafx jistħi”, “li għadu qed jaħbi r-returns tat-taxxa” u li “l-Labour l-Onorarja kien jara żejda!” Oħrajn, b’mod sarkastiku, qalu li kienu lesti iġibulu packed lunch kieku kienu jafu li Abela kien qed jaħdem anke l-Ħadd.