Fl-aħħar sigħat il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji talbet lill-Gvern biex ineħħi numru ta’ pizijiet fiskali fuq prodotti bażiċi biex b’hekk il-poplu Malti u anke n-negozji jerġgħu jibdew jieħdu r-ruħ… hekk kif aktar min-nofs in-negozji f’Malta fl-aħħar xhur m’esperjenzaw l-ebda qligħ, jew saħansitra raw tnaqqis fil-qligħ tagħhom.
Fost it-talbiet tal-SMEs hemm li titneħħa s-SISA fuq prodotti bażiċi bħal ilma, ikel, u prodotti ta’ iġene, titnaqqas il-VAT minn 18% għal 15.5% u li ż-żmien ta’ kwarantina jonqos għal ħamest ijiem.
Fl-aħħar xhur il-PN baqa’ jiddiskuti mal-korpi kostitwiti, u għadd ta’ negozji biex ikompli jifhem u jaġixxi quddiem l-isfidi kurrenti li qed isibu ma wiċċhom numru ta’ intrapriżi. Fil-fatt, wara dawn id-diskussjonijiet ….il-PN ħareġ b’numru ta’ proposti, inkluż, li jitwaqqaf fond nazzjonali intiż biex il-Gvern jassisti lill-industrija lokali, lill-imprendituri u l-SMEs ħalli jitnaqqsulhom l-ispejjeż żejda kkawżati mill-insularità ta’ gżiritna. Id-daqs ta’ dan il-fond se jkun qed ivarja minn sena għall-oħra u jiddependi fuq mekkaniżmu maqbul mal-korpi kostitwiti li jirrapreżentaw dan il-qasam.
Il-PN qed jipproponi wkoll li jsir l-investiment neċessarju f’intermodal hub internazzjonali strateġiku u ħolistiku li jgħaqqad il-merkanzijja trasportata b’modi differenti minn u lejn pajjiżna.
Il-PN propona wkoll li jkun hemm tnaqqis għal 7% fil-VAT għal-lukandi u ristoranti; xi ħaġa li ħafna negozji għadhom jinsistu dwarha sal-lum il-ġurnata.
Intant….fl-istess analiżi li saret mill-Kamra tal-SMEs din il-ġimgħa ntqal li minkejja li n-negozji raw titjib fil-bejgħ fuq is-sena ta’ qabel, dan ma jfissirx li l-qligħ kien wieħed tajjeb, hekk kif is-sitwazzjoni fl-2020 ma kinitx waħda tajba lanqas meta mqabbla mal-2019.
Minn riċerka li saret mill-SMEs, jidher li l-Gvern, matul l-2022 se jkun qed idaħħal mad-€900,000 mit-taxxa tas-SISA meħuda fuq l-ilma, €3,200,000 fuq xorb ieħor li mhux alkohol, u miljun ewro fuq prodotti tal-iġene. Dan fih innifsu qed ikun rifless ukoll fiż-żieda tal-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi u kif dawn il-prezzijiet qed jaffetwaw l-għoli tal-ħajja fost il-Maltin u l-Għawdxin.
//= $special ?>