Lokali

Ikomplu t-twissijiet mill-familja Muscat lill-Prim Ministru Robert Abela

Dalgħodu, filwaqt li meta affacjata bid-domandi ta’ Net News, Michelle Muscat ma rieditx twieġeb għar-raġel tagħha, meta mistoqsija dwar Robert Abela, hi kienet ċara ħafna u insistiet li l-Prim Ministru għandu jgħid dak li jaħseb hu.

U filwaqt li Joseph Muscat kien voċiferu ħafna dwar ir-raid li sar fir-residenza tiegħu f’Burmarrad, il-mara tiegħu ħaslet idejha u qaltilna biex nistaqsu lil Joseph. Mistoqsijiet li ma nistgħux nagħmlu lil Joseph Muscat, għaliex jidher li qed iħossu komdu biss meta jitkellem waħdu bil-filmati li jiġbed hu stess għall-Facebook tiegħu – mingħajr l-opportunità lill-ġurnalisti biex jistaqsu.

F’wieħed miż-żewġ filmati li tella’, Joseph Muscat wassal messaġġ lil Robert Abela fejn qallu li se jibda jagħmel l-istorbju. Iżda filwaqt li Michelle Muscat ħaslet idejha minn dan l-istorbju li se jagħmel ir-raġel tagħha, meta mistoqsija dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ Robert Abela, ma ddejqet xejn tkompli żżid mat-twissijiet li tal-kamp ta’ Muscat qed jgħaddu lil ta’ Abela.

Biex imbgħad spiċċat telqet ‘il barra mill-bini tal-Parlament biex ma tweġibx id-domandi tal-ġurnalisti għaliex ma kienetx komda tkompli titkellem dwar dan is-suġġett li qasam il-partit Laburista.

Il-ġimgħa li għaddiet segwejna kif għall-ewwel darba….Muscat ammetta r-rabta bejn Steward Healthcare u l-kumpanija Accutor; l-istess kumpanija li ħallsitu eluf ta’ ewro f’konsulenzi.