Internazzjonali Lokali

AĠĠORNATA: Il-media Taljana tirraporta movimenti mill-flotta Russa bejn Sqallija u Malta

Il-Ministeru tad-Difiża Taljan jikkonferma li l-vapuri Russi jinsabu f'ibħra internazzjonali

Il-media Taljana qed tirraporta movimenti mill-flotta Russa fl-ibħra bejn Sqallija u Malta.

Din il-flotta fl-aħħar sigħat daħlet minn Ġibiltà u bdiet tersaq lejn Sqallija. Dan wara li l-bastimenti tar-Russja għamlu vjaġġ ta’ madwar sbatax-il ġurnata, fost maltemp u baħar qawwi.

Il-Ministeru tad-Difiża Taljan ikkonferma dawn il-movimenti, iżda insista li l-bastimenti jinsabu f’ibħra internazzjonali.

“L-Italja, flimkien man-NATO, se tibqa’ tosserva l-movimenti ta’ dawn il-bastimenti”.

Ritratt: repubblica.it

Il-flotta tinkludi sitt vapuri mgħobbija bit-tankijiet u b’1,500 suldat abbord. Il-biża’ hi li dawn jistgħu jippuntaw lejn il-Krimea sabiex jagħtu daqqa t’id lill-assedju tal-forzi ta’ Moska madwar l-Ukrajna.

Max-xaqliba tar-Russja hemm madwar 100,000 suldat li ġew stazzjonati mill-Kremlin. Għalkemm sa issa…ebda moviment sinifikanti li jaf jagħti ħjiel li se tfaqqa’ gwerra.

Iżda l-kunflitt u t-theddid mit-tmexxija ta’ Vladimir Putin mhuwiex ġej biss bis-saħħa militari – hemm strateġija oħra li qed tintuża.

Fil-fatt, fl-aħħar jiem, il-Pulizija Ukrena kellha twieġeb għal diversi theddid ta’ bombi fuq skejjel, universitajiet u anke kumplessi kummerċjali. Dawn kollha kienu sejħiet foloz.

“Din hija mewġa ta’ biża’ li qed tipprova tiżra r-Russja fost ic-ċittadini tagħna”, qal wieħed mill-uffiċċjali Ukreni li tkellem mal-istazzjon France24.