Artiklu: Stewart Said
F’Settembru tas-sena l-oħra ħalla pajjiżna biex jibda esperjenza ġdida fil-Montenegro. Stefano Fava jinsab barra minn Malta b’għan wieħed, dak li jtejjeb il-kwalitajiet tiegħu bl-għan li jkollu karriera ta’ suċċess fil-waterpolo. Il-plejer ta’ 22 sena jinsab mat-tim ta’ VK Budva. Huma jikkompetu fil-Kampjonat Adriatiku A1, kampjonat li fih hemm ukoll klabbs mis-Serbja u l-Kroazja.
Il-livell tal-internsità fil-logħob hu għoli u dan jagħmilha diffiċli għal Fava li jkun magħżul mal-ewwel tim f’kull logħba. F’dawn ix-xhur li ilu ma’ Budva, Fava kien parti mit-tim li f’Diċembru li għadda spiċċa fit-tielet post fil-Montenegro Cup. Il-ħsieb biex Fava jkollu esperjenza barra minn xtutna bdiet tberren wara s-sajf tal-2020. Dan wassal biex Fava beda jipprepara ruħu għal ħajja totalment differenti minn dik li kien esperjenza.
Fava kien se jgħaddi mill-esperjenza li diversi żgħażagħ Maltin jgħaddu minnha. Għall-ewwel darba kien se jibda jgħix waħdu, f’pajjiż ġdid, b’lingwa differenti ferm mill-Malti. Fattur ewlieni biex Fava seta’ jidra aktar f’din l-esperjenza hu l-fatt li l-kowċ hu Igor Martinovic, kowċ li fil-passat kien f’pajjiżna ma’ Neptunes.
Dan is-sit tkellem ma’ Stefano Fava li esprima l-importanza tal-kowċ nazzjonali Malti Karl Izzo fid-deċiżjoni li ħa biex beda din l-esperjenza ġdida. Izzo għarrfu sew dwar il-livell ta’ plejers li kien se jsib ma’ wiċċu, speċjalment fl-istatura fiżika tagħhom. Iżda kollox sabiħ f’din l-esperjenza għal Fava? Le. B’mod partikolari għadu jsib diffiċli l-volum, il-ħinijiet tas-sessjonijiet tal-għawm u s-sessjonijiet meta jaħdmu fuq is-saħħa f’saqajhom.

Dawn ix-xhur ta’ esperjenza wasslu biex Stefano Fava jagħraf id-differenza għaliex pajjiżi oħra jirnexxu aktar minn Malta fl-isport. “L-iktar ħaġa li skantatni b’mod pożittiv hi l-kultura sportiva fil-pajjiż. Minn dejjem kont naf kemm hawn atleti tajbin kemm fil-Montenegro kif ukoll fis-Serbja, imma issa li ngħix magħhom, kapaċi ninnota l-affarijiet żgħar li jwasslu biex joħolqu atleti aħjar.”
Fava semma kif ma’ VK Budva, l-isport jieħu prijorità. Hu kompla kif tfal ta’ disa’ jew għaxar snin, imorru l-pixxina fit-tmienja ta’ filgħodu għal sagħtejn taħriġ u wara li jispiċċaw l-iskola fit-3.00pm, jerġgħu jitħarrġu fil-5.00pm. “L-edukazzjoni u l-isport jimxu id f’id u jingħataw l-importanza li jixirqilhom. Hu faċli aktar li nibqgħu komdi kif aħna, b’sessjoni waħda kuljum, però r-riżultat jirriflettu kollox.”
Iż-żagħżugħ Malti għandu jibqa’ fil-Montenegro sa Mejju li ġej biex imbagħad jirritorna f’pajjiż u jkun parti mit-tim ta’ Birżebbuġa li se jipprova jikkonferma postu fil-Kampjonat Premier.
//= $special ?>