Lokali Qorti

Cachia Caruana jirbaħ kawża ta’ libell wara kummenti malafamanti fuq One TV

Il-Qorti tal-Maġistrati ordnat lid-deputat u eks Ministru Laburista Joe Mizzi flimkien mal-editur tal-istazzjon tal-Partit Laburista One iħallsu €1,000 f’danni lil Richard Cachia Caruana fuq kummenti malafamanti u diżpreġġattivi fil-konfront tiegħu fuq l-istazzjon One TV.

Il-kummenti kienu saru waqt intervista fil-bullettin tal-aħbarijiet tas-7.30pm tat-13 ta’ Lulju 2012 fejn Joe Mizzi kien qal li Cachia Caruana, dak iż-żmien rappreżentant permanenti għal Malta fi Brussell għamel pressjoni fuq ufficjali tas-sigurtà biex ħbieb tiegħu li kienu qegħdin jiksru l-liġi ma jiġux proċessati.

Joe Mizzi kien qal li dan seħħ meta kien hemm każ fejn huwa għadda rapport lill-Kummissarju tal-Pulizija li kien hemm jott li fuqu kien qed isir “cocaine party”. Mizzi kien allega ukoll li kien ġibed l-attenzjoni li kien hemm nies prominenti fuq dan il-jott u li dawn kienu ħbieb hafna hafna ta’ Cachia Caruana, u li l-Pulizija marru fuq jott ħażin, u mhux dak li hu kien indikalhom, għal tal-apposta.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor G. Axiak qalet li fuq dawk il-kummenti li ħarġu mill-intervista kienu seħħew avvenimenti politiċi fejn Dr Jeffrey Pullicino Orlando, dak iż-żmien deputat tal-Partit Nazzjonalista kien talab li jittieħdu proċeduri fi ħdan l-eżekuttiv tal-partit kontra Cachia Caruana u kien talab fost oħrajn lil Joe Mizzi,  jagħti x-xhieda tiegħu fil-proċeduri interni tal-partit.

Dak li kien rrifera għalih Joe Mizzi fl-intervista tat-13 ta’ Lulju 2012 kien ibbażat fuq dak li jiftakar li ġara meta kien Ministru tal-Gvern bejn is-snin 1996 u 1998. Dwar Cachia Caruana , il-Qorti qalet li tqis li huwa persuna pubblika u magħruf sew mill-pubbliku in ġenerali mhux l-anqas għaliex kellu diversi karigi pubbliċi importanti u ta’ responsabiltà matul il-karriera tiegħu.

Qieset ukoll illi huwa identifikabbli mill-pubbliku in ġenerali u anke mill-qarrej ordinarju Tenniet ukoll li Mizzi kien qiegħed jalludi b’mod ċar għal Richard Cachia Caruana. Il-Qorti qieset il-fatt li l-kliem ta’ Joe Mizzi fissru li Cachia Caruana kien b’xi mod uża l-influwenza tiegħu fuq il-Pulizija sabiex jostakola l-ġustizzja u persuni li allegatament kienu qrib “ħafna ħafna tiegħu” fir-ċirku tad-drogi, u dan biex ma’ jinqabdux.

Mill-provi jirriżulta li mhux talli ma ġewx identifikati dawn il-persuni fix-xhieda iżda aktar minn hekk Joe Mizzi straħ fuq informazzjoni li huwa rċieva telefonikament mingħand persuna li l-anqas biss ma identifika’ fix-xhieda tiegħu. L-allegazzjonijiet magħmula fuq Cachia Caruana jalludu għal pressjoni fuq il-Pulizija Eżekuttiva u/jew fuq istituzzjonijiet oħra tal-Istat, u fl-agħar ipoteżi għal reat ta’ tfixkil fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Il-Qorti kkunsidrat illi l-allegazzjonijiet m’humiex żgħar u ċertament kienu malafamanti fil-konfront tiegħu. Ingħad li ma saret l-ebda apoloġija dwar dan u anzi l-istazzjon One, immexxi dak iż-żmien mill-Editur Kurt Farrugia, baqgħu jinsistu fuq l-allegazzjonijiet matul il-proċess kollu tal-kawża.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha ddikjarat li parti mid-diskors imxandar minn Joe Mizzi waqt l-aħbarijiet ta’ One TV kien libelluż fil-konfront ta’ Cachia Caruana u kellu bħala skop li jtellef jew inaqqas ir-reputazzjoni tiegħu. Għaldaqstant Mizzi u One TV ġew ordnati jħallsu s-somma ta’elf ewro bħala danni kif ukoll li l-ħatja għandhom iħallsu wkoll l-ispejjeż tal-kawża. L-Avukat Joe Zammit Maempel deher ghal RCC.