Żagħżugħ ta’ 23 sena ġie lliberat bil-kundizzjoni mill-Qorti li ma jikkommettiex reat ieħor f’perjodu ta’ sentejn wara li ammetta li seraq laptop minn ħanut tal-elettronika fil-Belt Valletta. Gabriel Giuseppe Munda, Taljan, residenti l-Mellieħa tressaq il-Qorti quddiem il-maġistrat Noel Bartolo. L-Ispetturi tal-Pulizija Gabriel Micallef u Daryl Borg akkużawh b’serq, aggravat bil-valur tal-oġġett misruq.
Il-Qorti semgħet kif filmati tas-CCTV urew lil Munda jieħu l-laptop minn fuq l-ixkaffa u ħareġ bih mill-ħanut. Iktar tard ġie ntraċċat sal-Mellieħa, fejn spiċċa arrestat, waqt li kien għadu qed iġorr il-laptop misruq. L-Avukat Arthur Azzopardi, li deher għall-akkużat flimkien mal-avukat Jacob Magri, qal lill-maġistrat li l-akkużat dan l-aħħar kien tilef l-impjieg fis-settur tal-kostruzzjoni u bħalissa jinsab bla xogħol.
Il-laptop minn dak iż-żmien kien ġie rritornat lis-sid leġittimu tiegħu, ġiet infurmata l-qorti. It-Taljan ammetta l-akkużi miġjubin kontrih bil-Qorti tiġi nfurmata li l-partijiet kienu qed jissuġġerixxu flimkien li jiġi lliberat bil-kundizzjoni. Filwaqt li laqgħet is-sottomissjonijiet, il-qorti qablet u ħelset ir-raġel bil-kundizzjoni.
//= $special ?>