Il-kwistjoni tar-riżenja potenzjali ta’ Boris Johnson minn Prim Ministru tar-Renju Unit ma kenitx trattata waqt laqgħa għall-Kabinett f’Londra. Dan waqt li kelliema qrib il-Prim Ministru qalu li l-Ministri Britanniċi fil-preżent qed jikkonċentraw fuq il-kriżi li qed tiżviluppa bejn l-Ukrajna u r-Russja kif ukoll fuq il-miżuri li għandhom jittieħdu fid-dawl tal-iżviluppi.
Il-Prim Ministru Johnson, fil-bidu tal-ġimgħa, talab apoloġija lill-House of Commons wara li rapport imħejji minn Sue Gray, uffiċjal ewlieni taċ-ċivil, irrefera għal nuqqasijiet fit-tmexxija tmexxija tal-pajjiż waqt l-ewwel xhur tal-pandemija u meta l-poplu kien qed jinżamm taħt lockdown.
L-akkużi relatati kienu jinvolvu festini li saru għall-istaff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Downing Street u Sue Gray għamlitha ċara li l-avvenimenti ma messhom saru qatt u li dawn urew nuqqas ta’ ġudizzju min-naħa ta’Johnson u l-uffiċjali ta’ miegħu. Filwaqt li r-rapport sħiħ ta’ Gray ma kienx ippubblikat, il-Gvern Britanniku wiegħed biex, xorta waħda, jaġġorna r-rapport ladarba jkunu konklużi l-inkjesti tal-Pulizija.
S’issa r-rapport sħiħ ta’ Gray għadu ma ġiex ippubblikat.
Fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru Johnson mar fl-Ukrajna fejn qed ikollu taħditiet fi Kiev mal-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky.
Ir-rapporti qalu li Johnson kellu joffri l-ekwivalenti ta’ 88 miljun Sterlina f’aktar għajnuna lill-Ukrajna, fost il-biża’ li l-qawwiet tar-Russja jistgħu jinvadu lit-territorji Ukreni minn ħin għall-ieħor. Ir-Russja għandha ‘il fuq minn 100,000 truppi, tankjiet tal-gwerra, artillerija u missili stazzjonati mal-fruntiera tal-Ukrajna u għadha qed tiċħad li qed tippjana biex tattakka lill-ġar.
//= $special ?>