Lokali

Blata kommemorattiva f’nofs bankina… u żżomm b’feles

Il-Ministru tal-Infrastruttura Ian Borg reġa’ spiċċa s-suġġett ta’ ħafna kummenti u posts fuq Facebook wara li poġġa’ plakka kommemorattiva f’nofs ta’ bankina.

Meta nhar il-Ħadd, il-Ministru, flimkien mal-Prim Ministru inawgura s-Central Link huma kixfu lapida kommemorattiva ta’ daqs ferm akbar minn tas-soltu.  Filfatt, din il-plakka hija ogħla mill-istess Ian Borg, u hi magħmula minn biċċa blata ħoxna.

Għal xi raġuni, din il-plakka tqegħdet propju fin-nofs tal-passaġġ tal-bankina u ħadet ħafna mill-ispazju li suppost jintuża minn min ikun qed jimxi jew juża r-rota f’din iż-żona.

Propju dwar dan, permezz ta’ post fuq Facebook,  ikkumenta wkoll id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina.

Apparti l-iżgombru, kienu ħafna li kkummentaw ukoll dwar fatt kurjuż ieħor. Għaliex din il-plakka, jew blata, li tqegħdet għall-okkażjoni, kellha titpoġġilha biċċa feles biex iżommha wieqfa.

Sa issa mhux magħruf jekk din il-plakka tqegħditx hemmhekk temporanjament, jew jekk hux se tkun imċaqalqa. Li nafu zgur hu li l-Gvern weghdna li mhux se nibqghu impestati fit-traffiku.