Lokali

Il-Ministri ta’ Robert Abela jistħu jikkummentaw dwar is-€17,000 li kien jieħu

Il-Ministri tiegħu stess jistħu jikkummentaw dwar l-eluf li ħa żejda

Robert Abela ikkonferma li qabel ma daħal f’Kastilja, kien qed jitħallas minn butna €17,000 fix-xahar għas-servizzi legali li kien jagħti lill-Awtorità tal-Ippjanar. Meta fi 3 snin minnhom kien ukoll Konsulent tal-Prim Ministru.

Dan ammettieh hu stess fuq il-mikrofonu ta’ NetNEWS.

L-istorja li dehret l-ewwel fit-Times tikkonferma li minn dan il-kuntratt biss, Abela spiċċa jdaħħal f’butu eluf ta’ ewro għal sitt snin sħaħ, f’kuntratt li laħaq tela’ għal €17,000 fix-xahar.

Dan l-ahhar skandlu li xxokja l-kurituri ta’ Kastilja kompla jikxef il-krizi fil-Gvern ta’ Robert Abela. B’uħud qed joqgħodu attenti ferm xi jgħidu, ħalli ma jiksruwiex mal-klikka ta’ Muscat.

Il-Ministru Byron Camilleri, mistoqsi dwar dan, baqa’ għaddej u għażel li ma jikkumentax.

Mistoqsija jekk żdidiliex ix-xogħol, il-Ministru Miriam Dalli qalet li iva, iżda mbagħad mistoqsija allura jekk hux qed tieħu €17,000 fix-xahar minħabba f’hekk, daħlet tiġri fil-binja tal-Parlament.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista ġġustifika ż-żieda ta’ €10,000 minn €7,000 għal €17,000 f’xahar għal xogħol ta’ konsulenza li kien jagħmel il-Prim MInistru bejn l-2013 u l-2019.

Staqsejna lis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat jekk jaħdimx fil-weekend, għaliex dan kien il-mod li bih iġġustifika l-pagament eżorbitanti li kien jirċievi Abela, b’Muscat jikkonferma li jaħdem anke fi tmiem il-ġimgħa. Imma mistoqsji jitħallas €17,000 talli jagħmel dan, tnaffar, dawwar dahru u daħal fil-Parlament. L-istess eżatt għamel Clayton Bartolo, filwaqt li l-Ministru Aaron Farrugia, evita għal kollox li jikkummenta.

Robert Abela ħa 10,000 ewro aktar minn kemm kien jieħu min għamel l-istess xogħol qablu, fattur li ġibed il-kritika ta’ ħafna, li qed itennu kif huma bil-kemm qed ilaħħqu mal-ħajja; u Abela ħa dawk l-eluf kollha kull xahar.