Lokali

Jingħata bidu għal riċerka ġdida dwar l-effett tad-droga

L-Erbgħa filgħodu ġie ffirmat ftehim bejn l-Università ta’ Malta u Caritas Malta biex tingħata bidu għal riċerka dwar kif ikun l-aħjar mod biex l-addoloxxenti jikbru ‘l bogħod mill-vizzju tad-droga.

Fil-fatt, l-għan ta’ din ir-riċerka mhux li joħroġ liż-żgħażagħ mill-vizzju tad-droga iżda iktar minn hekk, li dawn ma jaqgħux fil-vizzju. U dan se jsir billi jsibu l-iskop tal-ħajja u wieħed jehda f’xi ħaġa oħra u mhux fid-droga.

Net News tkellem mad-Direttur ta’ Caritas, Anthony Gatt li qalilna dwar l-importanza ta’ riċerka ta’ dan it-tip.

“Hu dejjem importanti li biex naslu għal ħajja iktar sana, nifhmu l-ostakli u kif se nirbħuhom,” saħaq Gatt. “Fl-isfond tas-soċjetà tagħna bħalissa, irridu naħdmu iktar biex nilqgħu u nipprevjenu li ż-żgħażagħ imissu mad-droga.”

Id-Dekan tal-Fakultà tal-Benesseri Soċjali fi ħdan l-Università ta’ Malta, Andrew Azzopardi spjegalna iktar dwar din ir-riċerka.

“Se nipprovaw nifhmu x’inhuma dawk l-affarijiet sbieħ u tajbin li jagħmlu lin-nies biex fl-aħħar mill-aħħar jibqgħu ‘l bogħod mill-vizzju tas-sustanzi,” qal Azzopardi. “Flimkien ma’ Caritas nirrikomandaw numru ta’ inizzjattivi ġodda biex il-pajjiż jitbiegħed mill-abbuż ta’ sustanzi.”

Fi tmiem din ir-riċerka, li mistennija tieħu madwar ħames xhur, li jkunu qed jiġu analizzati r-riżultati tagħha biex minn hemmhekk jiġu ppreżentati numru ta’ proposti ħalli Caritas Malta taħdem għall-ġid taż-żgħażagħ.