Lokali

Konrad Mizzi jaħrab għal darboħra… deskritt bħala tifel jistaħba wara l-ispeaker

L-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi jibqa’ jsib okkażjonijiet ġodda biex jevita li jidher quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi u jwieġeb il-mistoqsijiet dwar l-aktar proġett li sewa flus lill-ħaddiem Malti sa mill-Indipendenza ‘l hawn.

Mizzi kien imissu jidher quddiem il-PAC llum waranofsinhar, imma ftit sigħat qabel informa lill-Kumitat li hu kien indispost minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

Il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat kien afda l-akbar portafolji lil Konrad Mizzi, u llum, fil-PAC, il-membri tal-Gvern jibqgħu jaġixxu ta’ avukati difensuri għall-kollega tagħhom.

L-editorjal tat-Times of Malta jiddeskrivi lill-eks Ministru bħala tifel żgħir imwerwer fil-bitħa tal-iskola meta staħba wara ruling tal-ispeaker meta sab ruħu f’kantuniera.

It-Times tgħid li Konrad Mizzi ilu jipprova jaħrab u qatt ma ried jiffaċja lil dan il-Kumitat, iżda kellu jċedi u jidher wara li d-Deputati Nazzjonalisti ressqu mozzjoni bil-għan li jiġi obbligat mill-Parlament biex jidher quddiem il-PAC.

L-istess editorjal jgħid li l-aġir ta’ Mizzi fil-konfront tal-PAC sa issa kien mhux biss insolenti imma sfida diretta lil Kumitat li huwa parti integrali mis-sistema demokratika ta’ pajjiżna.

L-editur jagħlaq il-kitba tiegħu billi jgħid li Mizzi vera ma jistħix meta jattakka lill-membri tal-Kumitat u jallega li huma jagħmlu parti minn grupp ta’ nies li jaħsbu li jistgġħ jiħħajġekjaw l-istituzzjonijiet.

Konrad Mizzi issa għandu jidher quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi il-ġimgħa d-dieħla.