Jgħid li l-fatt li din l-industrija taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għat-Turiżmu turi l-mentalità ħażina
Kemm dan l-avveniment ħadem biex jippromwovi u jonora l-produzzjonijiet lokali…kont ferm diżappuntat f’dan ir-rigward.
Hekk sostna d-Direttur tal-films Malti Mario Philip Azzopardi f’artiklu miktub fuq il-ġurnal Times of Malta meta kien qed jitkellem dwar il-Malta Film Awards, serata mtella’ fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet li ħolqot ħafna polemika għal diversi raġunijiet.
Mario Philip Azzopardi, li huwa magħruf bir-rabta kbira li kellu mal-Gvern Laburista ta’ Muscat, sostna li filwaqt li bħala servizzi fl-industrija tal-films, jiġifieri sabiex jaqdi l-barrani, sejrin tajjeb – mil-lat lokali ma jilħaqx dan il-livell.
Id-direttur insista li l-fatt li waqt l-awards ipprovaw iżewġu l-industrija lokali ma dik barranija hija fi kliemu, diżastruża, imbarazzanti u kompletament tal-mistħija. Huwa spjega li l-premju għall-aqwa attur ingħata lil Harvey Keitel, attur rinomat ta’ Hollywood.
Huwa saħaq li hija tal-mistħija li ntgħażel attur barrani meta kien hemm opportunità tad-deheb li nippromwovu t-talent lokali barra minn xtutna.
Minflok, kompla Mario Philip Azzopardi, spiċċajna naduraw lill-barrani; bħal filkas tal-attur Russel Crowe…bil-films barranin kompletament fiċ-ċentru tas-serata.
Huwa insista li dan kollu kienet turija attroċi tal-mentalità kolonjali li għadha palpabbli f’moħħna.
Mario Philip Azzopardi insista li biex jiġu żgurat li l-flus li ntefqu, “għax ntefqu ħafna u mhux ftit”, irid ikun hemm iċ-ċertezza li l-introjtu għall-industrija lokali ikun immassimizzat…u mhux li npoġġu t-talent lokali fis-second class.
Dan filwaqt li spjega li l-fatt li l-film Malti jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għat-Turiżmu għandha tixgħel allarm għaliex dan ifisser li din l-industrija lokali f’pajjiżna narawha bħala attrazzjoni turistika u mhux bħala arti li tista tinforma u tippromwovi l-espressjoni artistika.
Huwa saħaq li preżentament s-sostenn li għandha din l-industrija hija burokrazija qawwija, u interviews quddiem ġudikanti ta’ kredenzjali dubjużi. Imbgħad…kompla jisħaq li meta skritt jiġi aċċettat…jingħataw l-flus u daqshekk. Għax, kompla Mario Philip, la tingħata għajnun agħal żvilupp, quality control hija ineżistenti, ebda assistenza infrastrutturali, u ebda għajnuna tanġibbli.Kulħadd għalih waħdu.
Għalhekk huwa insista li l-industrija tal-film għandha bżonn taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Arti u mhux tat-turiżmu.
//= $special ?>