Lokali

Miżuri li ma japplikawx għal kulħadd… u l-Pawlini jibqgħu b’xiber imnieħer

Waqt li l-Ministri u uffiċjali tal-Gvern jistgħu jattendu għal attivitajiet mingħajr miżuri restrittivi, il-kumplament tal-poplu għadu jrid jobdi r-regoli mposti mill-Ministeru tas-Saħħa dwar il-pandemija.

Diversi esponenti tal-Gvern, mhux b’inqas tal-Prim Ministru Robert Abela kemm-il darba injoraw regoli bħal l-ilbies tal-maskri. Dan filwaqt li l-Malta Film Awards reġa’ wera’ b’mod ċar kif dak li jordna l-Gvern għall-kumplament tal-poplu ma japplikax għalih. F’din l-attività li għaliha attendew xejn inqas minn tliet Ministri u numru kbir ta’ uffiċjali pubbliċi oħra, il-maskri ma dehru mkien u lanqas ma nżammu l-clusters kif mitluba mis-Suptretendenza tas-Saħħa.

Dan kollu fl-isfond ta’ l-isfidi enormi li dawn ir-restrizzonjiiet poġġew u għadhom qed ipoġġu fuq ħafna persuni u oqsma differenti.

L-editorjal tal-Maltatoday jikkuntrasta dak li rajna jseħħ fil-Film Awards ma’ dak li seħħ fl-industrija ta’ arti, u jikkwota lil Howard Keith, President tal-MEIA, illi jikkundanna dak li ġara u l-fatt li mhemmx level playing field għal kulħadd.

L-istess editorjal jelenka numru ta’ attivitajiet oħra li fihom inkisru r-regolamenti, fosthom il-konferenza tal-gaming li saret f’Novembru u li għaliha attendew eluf ta’ persuni, filwaqt li min pereżempju attenda għall-Malta Book Festval fl-istess perjodu kellu jilbes il-maskra u jżomm id-distanzi.

Intant din l-inkonsistenza qed turta ħafna lil Pawlini tal-Belt, li ftit tal-ġimgħat ilu  kienu prattikament ġew imwegħda li se jkunu jistgħu joħorġu l-purċissjoni tal-10 ta’ Frar tant popolari mhux biss mal-Beltin iżda mad-dilettanti kollha tal-festi. Iżda issa…it-talba tagħhom biex din l-attività ssir mhux qed tkun milqugħa mill-awtoritajiet. Din il-mossa gabet ukoll frustrazzjoni genwina mhux biss fost il-Pawlini, iżda anke hafna dilettanti li kienu qed jistennew l-10 ta’ Frar biex jergghu jibdew iduqu toghma zghira ta’ dik li hi il-festa Maltija.