Lokali

Abela jrid ineħħi lil Hyzler biex jeħles minnu

Minkejja li l-Prim Ministru jista’ jgħid li d-deċiżjoni li jibgħat lil George Hyzler fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija ‘promotion’… wieħed ma jistax jinsa li l-għan ta’ din iċ-ċaqliqa mhuwiex biex jurih apprezzament, iżda biex ineħħih mil-pożizzjoni li għandu bħalissa – minħabba li qed jagħmel xogħolu sew u qed jaqla’ l-inkwiet fil-Gvern ta’ Abela.

Dan wara li għal dawn l-aħħar 3 snin, Hyzler kellu r-responsabbilta ta’ Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika u kull fejn kien hemm xi ħaġa mhux f’postha, dejjem ġibed l-attenzjoni.

Hekk stqarr l-editorjal tal-Independent illi analizza din il-mossa ta’ Abela fil-konfront ta’ George Hyzler…illi ħafna drabi d-deċiżjonijiet sabu lill-membri tal-Gvern fi ksur sfaċċat tal-Kodiċi tal-Etika.

L-editorjal tal-Independent jisħaq li ma tagħmel l-ebda sens li ir-rapporti li jagħmel Hyzler jiġu sottomessi f’kumitat Parlamentari fejn id-deputati tal-Gvern jiddefendu lill-kollegi tagħhom.

Kien propju ghal din ir-raguni li l-Partit Nazzjonalista propona li f’dan il-Kumitat tal-Istandards jkun hemm membru tal-Gvern, membru tal-Oppożizzjoni u tlieta li jkunu nominati minn barra l-Parlament. Dawn jintgħażlu wara vot ta’ żewġ terzi tad-deputati tal-Parlament filwaqt li l-ispeaker ma jkunx preżenti għal dawn il-laqgħat. Wieħed minnhom imbagħad jinħatar Chairman tal-istess kumitat.

Intant, l-editur tal-Independent fakkar li parti mill-ħidma ta’ Hyzler irnexxielha tpoġġi lil Gvern f’pożizzjoni imbarazzanti… fosthom meta l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat inqabad jikser il-kodiċi tal-etika erba’ darbiet, kif ukoll meta nqabdu jiksru l-kodiċi tal-etika il-Ministri Justyne Caruana u Carmelo Abela kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar.

L-editorjal saħaq li meta Robert Abela avża lill-Grupp Parlamentari li kien qed jaħseb sabiex George Hyzler jingħata kariga ġdida, ir-raġuni kien waħda biss… dik li jeħles minn Hyzler.