Basketball Sport

BUPA Luxol jibqgħu jittamaw għall-play-offs

Colin Schembri

KAMPJONAT BOV IRĠIEL

Hibernians …………….. 96

Depiro ……………………. 81

(23-20)(25-20)(20-26)(28-15)

Hibs: M. Vires 11, N. Cassar, M. Vucinic, D. Bugeja 16, L. Farrugia 5, K. Dimech 25, A. Axiaq 4, R. Aquilina, M. Attard 2, C. Soderholm 18, I. Demcesen 15, P. Shoults.

Depiro: B. Nel, A. Attard 3, N. Grech 12, S. Vella, TJ Atwood 29, M. Brincat 12, M. Mallia, A. Sullivan 22, M. Baldacchino, M. Debattista 3, L. Vella, S. Kenely.

Referees: Gordon Barbara, Ionut Ciurariu, Nicky Azzopardi

Hibernians għamluhom żewġ rebħiet minn żewġ partiti kontra Depiro fil-kampjonat biex kisbu s-seba’ rebħa tagħhom u saħħew posthom fit-tieni post tal-klassifika. Però din id-darba kellhom jistennew sa’ tard ħafna fil-partita biex jassiguraw ruħhom mir-riżultat hekk kif Depiro kellhom wirja oħra posittiva u kien biss lejn it-tmiem li sfaxxaw wara run ta’ 13-0 mill-Pawlisti.

Fil-ftuħ tal-partita ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin bil-Hibs ikollhom it-trippli ta’ Keith Dimech u Mason Vires. Minkejja dan Depiro kienu għadhom punt minn fuq sa’ nofs it-taqsima 13-12 wara baskets tas-solitu TJ Atwood flimkien ma’ Avery Sullivan u Miguel Brincat. Hibs marru fuq quddiem bi trippla ta’ Christian Soderholm f’run ta’ 9-2 però three pointer ta’ Nicholas Grech għal Depiro naqqsilhom id-distakk qabel tmiem il-perjodu 23-20. Fit-tieni sessjoni Hibs fetħu b’żewġ trippli ta’ Dimech li kellhu partita mill-aqwa però Grech ukoll wieġeb b’żewġ trippli għal Depiro biex id-distakk baqa’ ta’ 3 punti. Hibs kellhom żewġ runs qosra ta’ 6-0 u 7-0 u bejniethom kien hemm trippla ta’ Sullivan għal Depiro li komplew b’oħra ta’ Brincat u punti minn Atwood biex fl-intervall Hibs kienu 48-40 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, Depiro fetħu bl-ewwel ħames punti bi trippla ta’ Michael Debattista. Ir-risposta ta’ Hibs ġiet minn Anton Axiaq, Vires u Soderholm qabel ma Depiro kellhom run ta’ 12-2 bi trippla ta’ Brincat biex marru minn fuq 57-56. Għal ħin twil iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Depiro baqgħu fuq quddiem u kien biss lejn tmiem it-taqsima li żewġ baskets konsekuttivi minn Soderholm u Ivan Demcesen li ħallew lil Hibs fuq quddiem fi tmiem il-perjodu 68-66.

Fl-aħħar perjodu Hibs kellhom run ta’ 8-2 bil-punti ta’ David Bugeja li kellhu wkoll trippla li tathom vantaġġ ta’ 6 punti 79-73. Depiro reġgħu ġew lura bil-punti ta’ Atwood u trippla oħra ta’ Grech biex waslu sa’ basket ‘l bogħod 81-83. Hawn però waslet ir-run deċisiva tal-Pawlisti, 13 -il punt mingħajr risposta mibdijha minn Dimech flimkien ma’ Bugeja u Demcesen li finalment tathom ir-rebħa fuq skor finali ta’ 96-81.

Mellieħa Libertas ………………. 89

Starlites Naxxar …………………. 99

(19-17)(21-25)(22-33)(27-24)

Mellieħa Libertas: M. Falzon, V. Jandric 4, N. Vasovic 11, I. Bonett 5, C. Briffa, N. Bukva 11, M. Seldon 38, M. Azzopardi, CJ Cordina 7, N. Sultana, A. Wrighten 14.

Starlites: A. Felice Pace 25, I. Azzopardi, A. Azzopardi, I. Felice Pace 4, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 16, J. Bates 8, L. Farrugia, K. Xuereb 2, J. Haynes 22, M. Thomas   22.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Florentina Ciurariu

Din kienet partita oħra ta’ skor għoli li finalment rat lil Starlites jegħlbu lil Mellieħa Libertas 99-89 biex pattew għat-telfa li kienu sofrew fl-ewwel round tal-kampjonat. Għal Mellieħa kellhu partita tajba l-Amerikan Malik Seldon li spiċċa bi 38 punt biex patta xi ftit għal partita kwieta ta’ Vukassin Jandric. Starlites kellhom lil Alec Felice Pace f’ġurnata tajba tant li spiċċa l-aħjar skorer tagħhom b’25 punt. B’din ir-rebħa, Starlites temmew it-tieni round tal-kampjonat f’ras il-klassifika b’disa’ rebħiet u telfa fil-waqt li Mellieħa għandhom 5 rebħiet u 5 telfiet.

Mellieħa marru 10-5 minn fuq fil-ftuħ tal-partita bil=-baskets ta’ Nenad Bukva u Seldon fil-waqt li Starlites wieġbu bi trippla ta’ Jamiah Haynes qabel ma komplew b’run ta’ 9-2 b’diversi punti ta’ Felice Pace li rathom imorru fuq quddiem 12-10. Austin Wrighten u Seldon wieġbu għal Mellieħa li temmew l-ewwel sessjoni 19-17 minn fuq. Fit-tieni taqsima kienu Starlites li bdew l-aħjar meta għamlu run ta’ 11-2 bil-punti ta’ Myles Thomas u Haynes flimkien ma’ Ian Felice Pace. Wara li Mellieħa kellhom trippla ta’ Wrighten, Starlites kisbu żewġ baskets oħra biex kabbru l-vantaġġ għal 8  punti. Mellieħa ġew lura u rnexxielhom jippareġjaw il-partita 36-36 biex sal-intervall kien hemm punti fuq kull naħa bi Starlites jagħmlu l-aħħar basket minn Matthew Scerri u jidħlu jistrieħu minn fuq 42-40.

Wara l-intervall, basket ta’ Seldon reġa’ ppareġja l-partita però hawn Starlites kellhom mument tajjeb u għamlu break ta’ 13-4 bil-punti ta’ Thomas u Jacob Bates biex marru disgħa minn fuq 55-46. Wara trippla minn Nikola Vasovic għal Mellieħa, hima komplew bi break ta’ 9-4 li wassalhom mill-ġdid sa’ 3 punti taħt l-avversarji 60-63. Hawn iżda Starlites kellhom run importanti ta’ 12-2 bi trippli ta’ Scerri u Haynes biex temmew is-sessjoni 75-62 minn fuq.

Fl-aħħar taqsima Mellieħa ppruvaw jirkupraw u trippli ta’ Vasovic u Isaac Bonett naqqsulhom id-distakk għal 7 punti 74-81. Però Starlites reġgħu wieġbu b’żewġ trippli minn Bates u Scerri flimkien mal-baskets ta’ Felice Pace biex reġgħu marru 11 -il punt minn fuq. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin sa’ tmiem il-partita biex il-vantaġġ ta’ Starlites baqa’ stabbli u huma ħarġu rebbieħa 99-89.

BUPA Luxol ………………….. 90

Gżira Athleta ……………….. 77

(19-21)(19-24)(31-12)(22-20)

Luxol: J. Cefai, N. Buhagiar, P. Attard 1, JP Schembri 6, A. Trapani, L. Trapani, C. Coffey 25, S. Opojevlic 3, M. Matijevic 4, S. Cappello 12, W. Claiborne 40.

Gżira Athleta: Z. Hudson 15, S. Montague 24, F. Mifsud Bonnici 8, L. Stefanovic 8, N. Xuereb 9, M. Gouder 13, I. Xuereb, S. Vincic, B. Zammit.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Ivica Simic Vladimir Nikolic.

Bupa Luxol żammew ħajjin it-tamiet li jidħlu fil-playoffs wara li għelbu lil Gżira Athleta 90-77 biex ħadu t-tieni rebħa tal-kampjonat. Luxol kellhom żieda mportanti fl-iskwadra hekk kif finalment setgħu jilgħabu lit-tieni Amerikan tagħhom, William Claiborne li kellhi debutt mill-aqwa b’40 punt. Claiborne mhux wiċċ ġdid għax-xena lokali, hekk kif diġa lagħab ma’ Luxol fis-sena 2020 qabel ma l-istaġun waqaf minħabba l-pandemija. Athleta tilfu lill-Amerikan Zachary Hudson fil-ftuħ tar-raba’ taqsima bil-ħames foul, hekk kif fit-tielet sessjoni protesti eċċessivi wassluh jaqla’ technical foul kontrieh li swielhu qares fil-kumplament tal-partita.

Wara li Athleta ħadu l-vantaġġ inizzjali bil-baskets ta’ Nathan Xuereb u Hudson, Luxol kellhom run ta’ 14-2 fejn waslu l-punti ta’ Claiborne mill-offensive rebounds u free-throws flimkien mat-trippli ta’ Canaan Coffey. Peter Farrugia għamel bidla u d-dħul ta’ Matthew Gouder għen lill-Athleta jtejjbu l-attakk tagħhom hekk kif kienu huma li għamlu run ta’ 11-2 li rathom jippareġjaw il-partita 17-17 u aktar tard jieħdu vantaġġ ta’ basket fi tmiem is-sessjoni 21-19. Għal xi ħin fil-ftuħ tat-tieni sessjoni ż-żewġ timjiet kienu fuq parita hekk kif il-punti bdew ġejjin regolarment fuq iż-żewġ naħat. Għal Luxol minbarra Claiborne, kien hemm il-kontribut ta’ Stefan Capello b’Coffey jinbidel wara li kkometta t-tielet foul. Athleta approfittaw u għalqu s-sessjoni bi break ta’ 10-2 fosthom trippla ta’ Gouder flimkien ma’ Hudson u Xuereb u daħlu jistrieħu fuq quddiem 45-38.

Fit-tielet sessjoni, Luxol ħasdu lill-avversarji bi ftuħ tajjeb li rahom jagħmlu run ta’ 12-2 bi trippli minn Jean Paul Schembri biex il-vjola reġgħu marru fuq quddiem 50-47. Athleta baqgħu viċin wara punti minn Shaun Montague u Francesco Mifsud Bonnici flimkien ma’ Hudson. Luxol però għalqu s-sessjoni kif bdewha, bi break ta’ 12-2 b’żewġ trippli ta’ Coffey u l-punti ta’ Claiborne biex fetħu vantaġġ ta’ 12 -il punt 69-57.

Fl-aħħar taqsima Athleta ppruvaw jirkupraw kmieni u fetħu bl-ewwel sitt punti fosthom trippla ta’ Luca Stefanovic. B’Coffey mill-ġdid fuq il-bank kien Slavko Opojevlic li fetaħ il-punteġġ tal-Luxol bi trippla li kienu segwiti minn punti konsekuttivi ta’ Montague li ressaq lill-Athleta sitt punti ‘l bogħod 68-74. Hawn Luxol reġgħu għamlu run oħra ta’ 10-2 kollha bejn Claiborne u Coffey biex inqatgħu fuq quddiem u din id-darba żammew lill-avversarji ‘l bogħod minnhom u rebħu l-partita 90-77.