Waslet il-konferma li minn meta l-Gvern Laburista ħabbar li se jkeċċi nofs il-ħaddiema tal-Air Malta, ftit li xejn sar avvanz fis-sitwazzjoni tal-linja nazzjonali tal-ajru. Dakinhar il-Ministru Clyde Caruana kien qabbel il-linja nazzjonali tal-ajru ma’ fireplace.
Din id-darba, mistoqsi mill-ġurnalisti biex jagħti aġġornament tas-sitwazzjoni, il-Ministru tal-Finanzi saħaq li għadhom għaddejjin it-taħdidiet mal-unions. Caruana stqarr li wara dawn it-taħdidiet, qed jistenna li aktar ħaddiema …minn fost dawk li tkeċċew… japplikaw għal impjieg mal-Gvern fil-ħin, qabel jagħlqu l-applikazzjonijiet fil-11 ta’ Frar.

Għadu mhux ċar, x’se jsir mill-ħaddiema li ma japplikawx mal-Gvern, iżda l-Gvern qed jghid li l-pubbliku se jkun infurmat kemm applikaw nies meta jagħlqu l-applikazzjonijiet.
Intant, mistoqsi dwar l-istate aid li applika għaliha l-Gvern Laburista, il-Ministru għal darb’oħra reġa’ saħaq li għadu ma jafx kemm se jingħataw fondi. Dan meta fl-aħħar konferenza tal-aħbarijiet kien iddikjara li mhux qed jistenna li l-Air Malta tinghata l-fondi li applika għalihom il-Gvern wara li l-linja nazzjonali tal-ajru krollat finanzjarjament.
