- id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo
Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, li kien qed jitkellem fit-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, qal li l-faqar qiegħed jiżdied u hawn familji li qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet serji u kbar u ta’ tħassib akbar huma dawk il-każijiet fejn hemm it-tfal żgħar./
Ivan Bartolo qal li hawn familji li ma jistgħux isaħħnu d-dar tagħhom biex jgħixu b’mod komdu. Hawn familji li ma jistgħux jaffordjaw li jieklu ikla bnina. Imqar tliet darbiet fil-ġimgħa.
Naturalment min qed jgħix fil-lussu ma jistax jifhem dawn is-sitwazzjonijiet.
Hu qal li 53 fil-mija ta’ dawk fil-faqar huma bla xogħol skont statistika li saret fl-2019. Aħseb u ara llum is-sitwazzjoni x’inhi meta kulħadd jaf li l-qgħad refa’ rasu!
Bosta qed jittalbu għal unit tal-Gvern iżda wieħed jiltaqa’ ma’ każijiet fejn l-Awtorità tad-Djar tibgħat għal ċerti nies u toffrilhom unit f’Għawdex. Ara kif jista’ jkun pesuna li tgħix fil-Kottonera tibgħatha toqgħod f’Għawdex? U jekk ma tmurx jispiċċaw jaqtgħuha mir-Reġistru ta’ Stennija! Imma dawn x’affarijiet huma?
Ivan Bartolo qal li l-faqar qed jieħu dimensjonijiet ġodda iżda l-Gvern Laburista qed jibqa’ passiv quddiem din is-sitwazzjoni ta’ tħassib u li tinħtieġ attenzjoni u miżuri immedjati li jindirizzaw dak li qed jiġri f’din l-ekonomija li qed tiċkien u mhux tikber għaliex bħal donnu s-seba’ snin ‘tal-ġenna fl-art’ issa spiċċaw!
Hu qal li l-Gvern għandu jiffoka wkoll fuq dawk il-ħaddiema bla xogħol u joffrilhom ix-xogħol adattat għalihom biex dawn ma jaqgħux fil-prekarjat. Irridu nammettu li l-prekarjat f’pajjiżna qed jikber b’rata mgħaġġla u dan għandu jqanqal tħassib kbir.
Hu qal li sfida oħra li għandna quddiemna hi t-tbatija tal-ħafna li qed jispiċċaw fid-djun dejjem jiżdiedulhom. Din hi realtà li hawn madwarna u li bħal donnu li bil-pandemija kompliet tiżdied u tolqot aktar familji.
Inqas opportunitajiet ta’ xogħol qed iwasslu biex aktar u aktar nies ikollhom inqas dħul u allura kif wieħed jista’ jpaċi l-ħruġ tiegħu jekk ikun naqaslu d-dħul?
Ivan Bartolo tkellem dwar kif qed jintefqu l-flus bħalissa, u qal li issa rriżulta kif l-Uffiċċju Legali ta’ Robert Abela ħa mal-€1.2 miljun mingħand il-Gvern għal servizzi legali. U Robert Abela nnifsu kien qed jieħu mas-€17,000 fix-xahar bħala avukat tal-Awtorità tal-Ippjanar. Imbagħad tant eluf ta’ anzjani u individwi Maltin u Għawdxin li qed jiffaċċjaw diffikultajiet serji biex jgħixu sal-aħħar tax-xahar.
Tkellem ukoll dwar l-għoli tal-ħajja u qal li din qed issir ta’ problema kbira għal ħafna nies li m’għandhomx dħul biżżejjed biex ipaċi d-dħul u l-ħruġ tagħhom. Hawn min m’għandux biżżejjed flus biex jixtri prodotti bnini tal-ikel għalihom, fosthom pensjonanti u persuni li huma qiegħda.
Tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fil-housing u qal li iva hawn sitwazzjoni ta’ nies maqbuda fid-djar tagħhom minħabba li fil-blokka fejn qed jgħixu m’hemmx servizz ta’ lift. Hu appella lill-awtoritajiet biex jaqbdu l-barri minn qrunu u jindirizzaw dawk li qed jiġri f’dan ir-rigward biex hekk fil-housing estates kollha tal-Gvern ikun hemm servizz ta’ lift li jkun jaħdem ħalli ħadd – inkluż l-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà – ma jinqabad ma jistax joħroġ mid-dar tiegħu, b’mod partikulari dawk li jkunu jgħixu fis-sulari ta’ fuq.
//= $special ?>