Kien il-kaptan tat-tanker taż-żejt El Hiblu li kien avviċina lit-tliet irġiel akkużati li ħatfuh, sejjaħhom fil-kabina tiegħu wara li rahom jikkalmaw lill-immigranti li kienu f’paniku li kienu ġew salvati, qal wieħed mill-irġiel salvati. Il-Qorti kompliet tisma’ il-provi kontra tliet żgħażagħ akkużati li ħatfu t-tanker taż-żejt El Hiblu wara li ġabru lilu u 105 oħra mill-Baħar Mediterran fl-2019.
Il-Maġistrat Nadien Lia kompliet tisma’ xhieda, fejn wieħed mill-migranti salvati qal li kien il-kaptan li avviċina lit-tliet akkużati. Adam Sanovo mill-Kosta tal-Avorju kien fost ix-xhieda, u li kien fuq dgħajsa żgħira li kienet telqet mil-Libja, qabel intlemaħ minn ajruplan li kien idur mad-dgħajsa.
El HIblu kien avviċinahom xi 30 minuta wara, huwa qal. “Qalilna li l-ajruplan kien qalilhom biex imorru hemm. Il-kaptan qalilna li m’għandniex nibżgħu.” Abbord kien hemm nies li kienu ħadmu fil-Libja u qalu lill-passiġġieri li kienu sejrin il-Libja.
“Ħadd mill-passiġġieri ma ried imur il-Libja. Kienu bdew jgħidu li riedu jaqbżu minn fuq il-vapur.” Dan kienu qed jgħidu bejniethom, żied jgħid. Ix-xhud spjega li l-akkużati kienu eżerċitaw influwenza ta’ paċifikazzjoni fuq il-migranti salvati, billi għaddew l-messaġġ tal-kaptan li dawn mhux se jiġu rritornati lejn il-Libja, iżda se jittieħdu l-Ewropa, u żied jgħid li “Naf li bis-saħħa tagħhom aħna bqajna kalmi u ħadd ma weġġa’.”
“L-irġiel Maltin kienu ġew fuq il-vapur fi tliet dgħajjes żgħar, kienu lebsin uniformijiet kaki. Ma ddikjarawx min kienu,” qal ix-xhud. “Kien il-kaptan li qal li kienu Maltin.” Ix-xhieda ta’ Sanovo ġiet interrotta meta minn wara tal-awla, instema’ raġel ta’ ġilda skura jipprova jkellimlu b’lingwa barranija, darbtejn.
Il-maġistrat akkużatu li ssuġġerixxa tweġibiet lix-xhud u ordnatlu jitlaq. Ir-raġel għall-bidu injora l-ordnijiet tal-qorti, għal protesti qawwija mill-bank tal-prosekuzzjoni. Wara li tniżżlu d-dettalji tiegħu, il-qorti rrepetiet l-ordni tagħha, u qaltlu biex joħroġ mill-awla mill-ewwel, u f’liema punt ikkonforma.
Wara l-avukat difensur Cedric Mifsud kompla l-kontro-eżami tiegħu, bix-xhud jgħid li l-magni tal-vapur ġew mitfija wara s-salvataġġ u mbagħad inxtegħlu aktar tard filgħaxija. L-għada filgħodu, qam u ra li d-dgħajsa toqrob lejn pajjiż, qal.
Ma kienx jaf x’pajjiż kien, imma n-nies kienu qed jgħidu li kienet il-Libja. F’dak il-punt xi wħud mill-immigranti bdew jibku u jgħajtu u xi wħud riedu jaqbżu minn fuq il-vapur, qal. “Beżgħu ħafna li jirritornaw il-Libja”, huwa spjega. Mifsud issuġġerixxa li beżgħu mit-tortura u l-ħabs jekk jirritornaw lura l-Libja.
Huwa wieġeb fl-affermattiv. “Konna qed nippanikkaw. Jien ukoll.” L-akkużati “ma waqafx. Kienu qed jikkalmaw lin-nies.” Meta ra dan, il-kaptan kien sejjaħhom fil-kabina tiegħu. “Kun korrett ngħid li kien il-kaptan li mar għandhom, mhux huma marru għand il-kaptan?” staqsa Mifsud.
“Kien hu li resaq viċin. Il-kaptan,” wieġeb ix-xhud. “L-ebda għajjat, l-ebda vjolenza” qal ix-xhud bi tweġiba għal mistoqsija oħra, fejn stqarr ukoll li ma kien hemm l-ebda arma jew oġġett f’idejhom. “Wara li xegħel l-magni, il-kaptan dawwar id-dgħajsa f’direzzjoni oħra,” huwa qal.
“Inkun korrett ngħid li l-migranti ma ridux imorru speċifikament Malta, iżda biss lejn l-Ewropa?” staqsa l-avukat. “Iva lill-Ewropa, mhux lil Malta,” wieġeb ix-xhud. “Inun korrett ngħid li qabel ma telgħu l-Maltin, kollox kien kalm?” “Iva, kien kalm qabel daħlu fuq id-dgħajsa. Meta ġew fuq id-dgħajsa, raw li kulħadd kien kalm,” huwa qal.
Abduli Selah, mill-Gambja sostna li ma ra xejn waqt li kien abbord, u semma lment temporanju meta kellu problemi f’għajnejh li aktar tard kien irċieva kura għalih. Huwa ċaħad li sema’ xi kommozzjoni jew tfixkil fuq il-bastiment. “Dak il-vapur mhux vapur żgħir, ifhem, u ma konnax flimkien.”
Qal li ma kienx konxju ta’ xi vjolenza li qed tintuża kontra xi ħadd abbord u lanqas ma ra xi armi. Selah qal li ma kien jaf bl-ebda hijack. “Jiena ngħidilkom, dawn in-nies ħaduna mill-baħar biex jgħinuna u hekk għamlu… ma rajt l-ebda vjolenza, xi hijack fuq il-baħar.” F’ħin minnhom, fil-Qorti ġie rrimarkat li x-xhud kien liebes ‘earpiece’ waqt li kien qed jixhed. Neħħijha fuq ordnijiet tal-qorti u poġġa l-mobile tiegħu fuq l-iskrivanija tar-reġistratur.
Għas-seduta tal-Ħamis attendiet ukoll delegazzjoni mill-Amnesty International. Id-delegazzjoni kienet rappurtata li talbet laqgħa mal-Avukat Ġenerali, sabiex tinsisti għat-twaqqigħ tal-akkużi ta’ terroriżmu fil-konfront tal-irġiel, iżda qalet lill-istampa li għadhom ma rċevewx tweġiba.
Kummissjoni internazzjonali mwaqqfa speċifikament fid-dawl ta’ dan il-każ qed tħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jwaqqgħu l-akkużi fil-konfront tat-tliet akkużati, u saħqet li huma kienu aġixxew bħala tradutturi u medjaturi bejn il-kaptan u s-superstiti.
Amnesty International sejħet ukoll biex jitneħħew l-akkużi u indikat il-każ fil-kampanja annwali tagħha Write for Rights. Il-każ ikompli fi Frar. L-Ispettur tal-Pulizija Omar Zammit qed imexxi l-prosekuzzjoni, flimkien mal-avukat George Camilleri mill-Uffiċċju tal-Avukat Generali.
//= $special ?>