Lokali

Il-każ ta’ Clayton Bartolo mhux magħluq kif qal il-Prim Ministru – PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li meta Robert Abela jkun irid jixtri l-ħin, jgħid li qed jistenna konklużjonijiet ta’ inkjesta tal-Kummissarju għall-Istandards. Meta jkun irid joqtol storja, jagħmel ta’ bir-ruħu li ma teżistix investigazzjoni.

Dan ġara propju llum meta Robert Abela qal li l-każ ta’ Clayton Bartolo huwa magħluq. Dan minkejja li l-Kummissarju għall-Istandards għadu kemm intalab biex jinvestiga l-każ.

Il-PN appella biex minflok ikompli jintimida l-istituzzjonijiet, Robert Abela għandu bżonn ikun onest u jwieġeb dawn il-mistoqsijiet:

Amanda Muscat bdiet taħdem il-Ministeru tat-Turiżmu wara li bdiet ir-relazzjoni tagħha mal-Ministru Clayton Bartolo?

Meta ġiet trasferita Amanda Muscat għall-fuq il-payroll tal-Ministeru għal Għawdex, u għaliex?

Kemm hi mħallsa Amanda Muscat, u kif inbidlet il-paga tagħha matul is-snin?

Amanda Muscat tagħmel xogħol għall-Ministeru ta’ Għawdex jew għadha tirraporta għall-Ministeru tat-Turiżmu?

Huwa minnu li hija ssekondata mill-Bank Ċentrali u b’hekk ingħatat tlett xogħolijiet fi tlett snin?

X’inhuma l-kwalifiki li jagħmluha denja li tkun konsulent tal-politika kemm fil-Ministeru tat-Turiżmu u kemm ta’ Għawdex?

Il-PN saħaq li l-każ mhuwiex magħluq u jimplika kemm lill-Ministru tat-Turiżmu kif ukoll lill-Ministru ta’ Għawdex li setgħu kienu kompliċi f’dan iċ-ċaqliq falz biex jevita aktar taħwid bħal dak li wassal għat-tieni riżenja ta’ Justyne Caruana f’sentejn.