“It-tħabbira tal-lum ta’ Robert Abela hija tentattiv iddisprat qabel l-elezzjoni, ta’ Prim Ministru f’paniku li nqabad kemm kien qed jieħu minn kuntratt tal-Gvern.”
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li biex jidher li qed jindirizza l-għoli tal-ħajja li qed jiżdied b’mod mgħaġġel, il-Prim Ministru deher ma’ Clyde Caruana f’attentat biex jgħatti d-diżgwid bejniethom.
Il-Partit Nazzjonalsita qal li l-miżuri tal-lum huma ftit wisq u tard wisq. L-għoli tal-ħajja sploda fix-xahrejn li għaddew u l-frak li qed jiġi offrut ma jindirizzax il-kwistjonijiet u l-problemi ta’ dawk li qed jitħabtu biex ilaħħqu. Robert Abela – li għamel snin jieħu aktar minn €17,000 fix-xahar minn direct orders tal-gvern – huwa maqtugħ min-nies.
L-istqarrija tkompli tgħid li l-ammont ta’ flus li qed jingħataw lura lin-nies bilkemm ikopri l-miljuni misruqa mill-kontijiet tad-dawl. Robert Abela jieħu l-kejk u jagħtik il-frak. Imbagħad jonfoq flusek biex jgħidlek li qed jagħtik il-kejk biex jipprova jixtri l-vot tiegħek.
Gvern mmexxi minn Bernard Grech se jirrifondi l-miljuni misruqa fil-prezzijiet tad-dawl u l-ilma, jiżgura living wage diċenti, jipprovdi fond ta’ €40 miljun biex jikkumpensa għall-ispejjeż tat-trasport tal-importaturi u l-manifatturi, u jieqaf jaħli l-flus ta’ min iħallas it-taxxa fuq kuntratti korrotti u ta’ ħela.
//= $special ?>