Lokali Parlament

Kull persuna jistħoqqilha d-dinjità umana u ħadd m’għandu jitħalla il-faqar

  • id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli

Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli, li kien qed jitkellem fit-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, qal li l-faqar qiegħed jiżdied u hawn bosta li qed ibatu fil-veru sens tal-kelma.

Hu semma’ diversi każijiet ta’ persuni li ltaqa’ magħhom ta’ persuni li qed jgħixu f’diffikultajiet finanzjarji kbar, fosthom persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom.

Hu semma’ l-każ ta’ mara li s-separazzjoni tagħha kissritha u l-każ ta’ raġel li qed jorqod fil-karozza għaliex m’għandux saqaf fuq rasu.

Clyde Puli qal li hawn sitwazzjoni fejn il-kirjiet għolja qed ikissru lin-nies, anki lin-nies bil-paga u jkun qed jiżbalja l-Gvern jekk jitratta lil dawn in-nies bħala numri u xejn aktar. Il-Gvern li kien wiegħed li se jeradika l-faqar, iżda li fil-verità spiċċa jiftaħar meta l-faqar jonqos bi ftit.

Ma nistgħux inkunu tolleranti lejn il-faqar u lejn il-prekarjat u għandna nagħmlu dak kollu possibbli biex niġġieldu l-faqar biex neqirduh tassew minn fostna. Hi għafsa tal-qalb fil-veru sens tal-kelma l-istil ta’ xogħol li hawn min hu involut fih… xogħol fil-veru sens tal-kelma bi prekarjat kbir.

Iżda donnu li dawn is-sitwazzjonijiet li qed ngħixu f’pajjiżna ma hux jgħixhom kulħadd. Fil-verità hawn fil-pajjiż min qed jgħix fis-sakra tal-lussu. Forsi pajjiżna tilef il-boxxla u l-kuxjenza tiegħu? Għaliex kif jista’ jkun li hawn sitwazzjoni ta’ min jibni t-torrijiet iżda mbagħad hawn min m’għandux saqaf fuq rasu.

Clyde Puli qal li qed nesperjenzaw sitwazzjoni fejn għandna suq li qed jirkeb fuq ir-rigħba u l-kilba għall-flus. Iżda mbagħad għandna aktar u aktar nies li qed jgħixu fil-faqar jew fil-faxxa tar-riskju tal-faqar. Donnu li f’pajjiżna spiċċa s-sens ta’ bilanċ u l-Gvern qiegħed iħalli kollox sejjer għal riħu.

Hu qal li hemm bżonn li kontra l-faqar tingħata l-għodda tal-edukazzjoni li hi essenzjali għat-tfal tagħna kollha. Hu ta’ tħassib ħafna li wieħed minn kull erbat’itfal qiegħed fir-riskju tal-faqar.

U hu tat-tħassib li flok lit-tfal ngħallmuhom u nedukawhom, inġibu l-persuni minn barra biex jagħmlu huma ċerti xogħlijiet filwaqt li għada pitgħada t-tfal tal-lum jirrealizzaw li jkunu tilfu l-opportunitajiet u jispiċċaw jinqabdu ġo morsa.

Hu saħaq li l-edukazzjoni hi fattur mill-aktar importanti fil-ġlieda kontra l-faqar u hu imperattiv li lit-tfal nagħrfu kif se nilħquhom kollha u mhux inħallu lit-tfal jitilqu minn kmieni mill-bankijiet tal-edukazzjoni.

Clyde Puli qal li meta l-Istat iħalli lit-tfal jitilqu mill-bankijiet ikun qed jonqos fil-veru sens tal-kelma. Is-settur tal-faqar għandu jkun indirizzat b’mod effettiv billi lit-tfal nagħtuhom id-dinjità tagħhom billi nassiguraw li qed jitgħallmu u jirnexxu fit-tagħlim. Dan hu l-investiment li l-Istat ikun qed jagħmel fit-tfal tal-lum għall-ġid ta’ pajjiżna.