- Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li llum il-Maltin u l-Għawdxin huma tassew imħassba dwar l-għoli tal-ħajja u aktar minn hekk huma inkwetati aktar li għandna Gvern Laburista passiv quddiem din is-sitwazzjoni serja.
Meta tkellem fit-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, qal li l-Gvern ta €1.75 żieda, iżda l-ħajja qed togħla bil-wisq aktar u hu tat-tħassib kif il-Gvern Laburista jinjora din ir-realtà. Illum hawn sitwazzjoni fil-pajjiż fejn il-faqar qiegħed ikompli jiżdied. U dan fl-isfond tax-xenarju fejn għandna Gvern Laburista li kisser il-Kaxxa ta’ Malta.
Il-Gvern u l-ftit ta’ madwaru huma komdi għaliex sejrin tajjeb, iżda l-familji Maltin u Għawdxin qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi serji għaliex il-prodotti kollha qed jogħlew minn ġimgħa għall-oħra. Kull min imur jixtri jaf tajjeb x’inhi s-sitwazzjoni f’pajjiżna.
Dan hu Gvern Laburista li qed jagħmel defiċit kbir fil-pajjiż bl-infiq bl-addoċċ, bil-ħatriet ta’ persons of trusts, bl-abbuż ta’ poter… iżda mbagħad għall-poplu Malti u Għawdxi hemm it-theddida tal-faqar.
Tiġi meta tiġi l-Elezzjoni Ġenerali l-poplu se jkollu l-obbligu li jifhem u janalizza lil min għandu jafda għat-tmexxija ta’ dan il-pajjiż fis-snin li ġejjin. Kulħadd jiftakar kif fl-2013 kienu wiegħdu li se jeqirdu l-faqar minn pajjiżna.
Illum ir-realtà madwarna kulħadd jaf x’inhi… faxxa dejjem tiżdied ta’ persuni li jew jinsabu diġà fil-faqar inkella jinsabu fir-riskju tal-faqar. Għandna għadd kbir dejjem jiżdied ta’ persuni li ma jistgħux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja għaliex id-dħul tagħhom ma jpaċix il-ħruġ tagħhom li hu ferm u ferm akbar.
Robert Cutajar qal li dan hu Gvern Laburista li jinsulenta l-intelliġenza tan-nies. Araw x’għamlu dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma… wiegħdu li se jraħħsuhom iżda sal-lum m’għamlu xejn u l-Maltin u l-Għawdxin qed ikomplu jkunu misruqa bl-aktar mod sfaċċat.
Il-Gvern Laburista ma għandux xaba’ u moħħu biss biex jaġevola lil dawk tal-qalba. Sal-Caritas qed twiddeb lill-Gvern biex jara x’jagħmel dwar il-faqar dejjem jiżdied fil-pajjiż. Is-soċjetà ċivili qed twissi lill-Gvern biex ma jibqax ċass quddiem l-għoli tal-ħajja. Imma l-Gvern Laburista jibqa’ aljenat għaliex hu għaddej tajjeb.
Il-poplu Malti u Għawdxi jaf tajjeb kif il-Gvern jibqa’ jaġevola lil Steward b’€70 miljun oħra, u sadattant ma jagħmel xejn biex irażżan l-għoli tal-ħajja fil-prodotti tal-ikel, fil-mediċini, fil-prodotti tat-trabi, fil-prodotti għall-annimali… u fil-prodotti ta’ materja prima. Imma għall-Gvern Laburista kollox hu xejn mhu xejn.
//= $special ?>