Lokali Qorti

Multa ta’ €400 u libertá bil-kundizzjoni għal mara fuq theddid fil-konfront ta’ attivisti ta’ Repubblika

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia mara mill-Iklin ġiet immultata €400 fuq theddid fil-konfront tal-President ta’ Repubblika, Robert Aquilina, Alessandra Dee Crespo u attivisti oħra tal-NGO, meta stqarret li kienet se ssuq fuqhom b’gaffa meta kienu qed jagħmlu protesta ta’ tliet ijiem quddiem id-Depot kontra l-impunità li jgawdi minnha Konrad Mizzi.

Sandra Micallef instabet ħatja u minbarra li ngħatat multa ġiet illiberta bil-kundizzjoni li ma twettaqx reat ieħor fi żmien sena. Xehed Robert Aquilina u qal li malli saret it-theddida ta struzzjonijiet lill-Avukat Jason Azzopardi biex jagħmel rapport mal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa’.

Qal li r-rapport sar mill-ewwel u Aquilina taħt ġurament qal li b’pika mal-attivisti, l-Kummisarju ħa ħax l-azzjoni mitluba f’waqtha. Saru biss patrols madwar id-depot, iżda ma ngħatatx il-protezzjoni adegwata dak il-lejl. Aquilina qal li f’erba’ snin ta’ protesti din kienet l-ewwel darba li ġara hekk.

Qal li ġara hekk għax fuq il-banner tal-protesta kien hemm wiċċ il-Kummissarju Angelo Gafa. Aquilina qal li waqqaf lill-pulizija li kienu għaddejin b’karozza tal-patrol, talabhom jibqgħu hemm biex jagħtu protezzjoni, iżda intqal lilu mill-pulizija li kellhom ordni biex ma jibqgħux ħdejn l-attivisti u jipproteġuhom, iżda jagħmlu biss patrols frekwenti.

Aquilina kien talab ukoll li l-pulizija jmorru dak il-ħin stess ikellmu lil min għamel it-theddida, iżda l-pulizija irrifjutaw li jagħmlu hekk. Għall-ewwel il-mara m’ammettietx l-akkużi miġjubin kontriha, imma wara bidlet fehmta. Wara s-seduta l-attivisti u l-akkużata tkellmu ma’ xulxin ftit-tul u kordjalment. Il-parte ċivile kienet asisitia mill-avukat Jason Azzopardi.