Futbol Sport

Partita f’Minnesota tintlagħab f’temperatura ta’ -17°C

Il-partita mill-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022 bejn l-Istati Uniti u l-Honduras intlagħbet f’Minnesota f’temperatura ta’ -17°C. It-tim tal-Honduras kienu urtati għaliex kellhom jilagħbu f’dawn il-kundizzjonijiet, b’żewġ players ikollhom joħorġu minħabba li sofrew minn hypotermia.

Il-coach tal-Honduras Hernan Dario Gomez qal li m’huwiex tajjeb għas-saħħa tal-players li jilagħbu f’dawn il-kundizzjonijiet, fejn f’pajjiżhom imdorrijjin f’temperaturi ta’ 30°C. Intant il-players tħallew jilbsu aktar ilbies ma’ wiċċhom biex jilqgħu għall-kesħa matul il-partita.

L-Istati Uniti marru fil-vantaġġ fit-8 minuta permezz tal-midfielder ta’ Juventus Weston McKennie b’Walker Zimmerman jirdoppja tmien minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima. Il-midfielder ta’ Chelsea Christian Pulisic li daħal bħala sostitut skorja t-tielet gowl tal-partita fis-67 minuta, biex b’hekk l-Istati Uniti telgħu fit-tieni post fil-klassifika b’21 punt, b’punti daqs il-Messiku.