Lokali

Robert Abela jħenn għall-Ministru Bartolo

Ir-riga tal-Prim Ministru fil-konfront tal-membri fil-Kabinett tiegħu li jinqabdu fi skandlu kompliet bix-xejra li tkompli titwal u tiċkien skont kif jaqbel lil Robert Abela. Il-każ tal-Ministru Clayton Bartolo, li taħdem miegħu kellu propju lill-partner tiegħu skont Robert Abela, issa hu magħluq.

Matul l-istess konferenza tal-aħbarijiet, Robert Abela ftaħar li hu jaġixxi u jieħu d-deċiżjonijiet. Iżda, sorsi li tkellmu magħna indikaw li Robert Abela ma ħa ebda deċiżjoni u ma aġixxa fuq xejn. Dan għaliex jidher li r-relazzjoni bejn Amanda Muscat u l-Ministru Clayton Bartolo bdiet meta Muscat kienet Segretarja ta’ Bartolo. Madanakollu, mhux ċar kemm damet f’din il-pożizzjoni.

Li hu ċar pero, hu, li malli Clayton Bartolo u s-Segretarja tiegħu inqabdu, saru manuvri biex isem Amanda Muscat jitneħħa minn fuq il-kotba tal-ħaddiema ta’ Bartolo u jgħaddi għal fuq Ministeru ieħor. Il-Ministeru li ntagħżel kien dak ta’ Għawdex, iżda diversi persuni saħqu li f’dan il-Ministeru qatt ma kienu rawha.

Meta mistoqsi biex jgħidilna jekk il-ħabiba ta’ Bartolo kienetx qed taħdem f’żewġ ministeri fl-istess ħin, Robert Abela assigurana li l-ħabiba ta’ Bortolo kienet taħdem “m’hemmx dubju.”

Jaħsel idejh għax m’għadiex taħdem ma’ xi Ministeru tal-Labour.. iżda jibqa jaħrab milli jieħu azzjoni fil-konfront tal-Ministru Clayton Bartolo li wettaq dawn il-manuvri, ftit xhur biss wara li Robert Abela ppremjah b’pożizzjoni fil-Kabinett tiegħu, talli għenu fil-kampanja għall-mexxej tal-Labour.