Lokali

Robert Abela jikkonferma li l-uffiċċju ta’ Joseph Muscat f’Sa Maison ingħatalu mill-Gvern

Il-Prim Ministru jibqa' jaħrab domandi diretti

L-uffiċċju li qed juża l-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’Sa Maison ġie mogħti lilu mill-Gvern.

Dan ikkonfermah Robert Abela nnifsu meta ġie affaċjat bid-domandi tal-ġurnalisti kmieni dalgħodu f’Marsaxlokk.

Il-Prim Ministru ikkonferma li dan l-uffiċċju ingħata lil Muscat bħala parti mill-“pakkett” wara li spiċċa minn Prim Ministru; meta Muscat kellu jwarrab f’nofs il-kriżi politika tal-2019.

Mistoqsi ripetutament mill-ġurnalisti dwar dan il-pakkett ta’ terminazzjoni, Robert Abela baqa’ ma qalx kemm dan ġie jiswa’.

Il-Pulizija fl-aħħar jiem wettqu tfittxija propju f’dan l-uffiċċju ta’ Joseph Muscat f’Sa Maison. Dan b’rabta mal-allegazzjonijiet serjissimi li qed joħorġu, relatati mal-iskandlu tal-bejgħ tal-Isptarijiet.

Intant, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet f’Marsaxlokk, il-Prim Ministru ma weġibx domanda diretta jekk hu personalment kienx mgħarraf bit-tfittxijiet li saru mill-Pulizija fid-dar ta’ Joseph Muscat u fuq l-uffiċċju tiegħu f’Sa Maison.