Sport Sport Ieħor

Scott Volkers bi rwol li jħarreġ kowċis u għawwiema f’Malta

Il-kowċ Awstraljan tal-għawm, bla dubju wieħed mill-aqwa fid-dinja, Scott Volkers, huwa wieħed mill-ftit li kien involut fl-ogħla kompetizzjonijiet tal-għawm fid-dinja l-aktar fit-taħriġ ta’ għawwiema rebbieħa ta’midalji Olimpiċi . Fil-karriera tiegħu kien Direttur tal-Coaching għal Queensland Academy of Sport fejn baqa’ sal-Olimpijadi ta’ Sydney fl-2000. Minn hemm l-involviment tiegħu fl-Olimpjadi rawh iħarreġ diversi għawwiema inkluż fil-Brażil fejn kien ibbażat għal madwar erba’ snin b’suċċess miksub minn bosta minnhom. L-inkarigu f’Malta sar permezz tal-Kowċ Nazzjonali tal-Għawm f’Malta Delon Dannhauser. Dannhauser li huwa mill-Afrika t’Isfel, esperjenza l-metodu ta’ Volkers meta Volkers kien qed jikkowċja hemmhekk.

Volkers enfasizza li t-taħriġ irid jilħaq il-massimu minn perspettiva xjentifika u fiżjoloġika u l-kowċis jeħtieġu li jkunu kapaċi jifhmu dawn l-aspetti. Dannhauser spjega li l-kredenzjali ta’ Volkers żgur għandhom jimmotivaw lill-kowċis lokali biex japprezzaw dak li qed iseħħ waqt is-sessjonijiet li qedin isiru fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq. Ir-rwol ta’ Volkers f’ Malta se jkun maqsum fi tliet fażijiet bil-pass li jmiss ikun f’Lulju, li matulu jiġi vvalutat il-progress. Din iż-żjara għandha tkun waqt il-Kampjonati Nazzjonali biex wara ssir il-fażi tal-peaking li se jħejji lill-atleti għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar tal-Ewropa f’ Mejju 2023.