Lokali Qorti

Sitt snin ħabs fuq serq għal raġel bi 23 kundanna preċedenti u li ilu jabbuża mid-droga għal aktar minn 20 sena

Raġel minn Raħal Ġdid bi problemi ta’ droga, li huwa magħruf sew mal-Pulizija, u li nhar is-Sibt se jagħlaq 46 sena ġie kundannat sitt snin ħabs wara li nstab ħati ta’ serq u kompliċità ta’ serq mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, Huwa wettaq dawn ir-reati f’perjodu ta’ ħames t’ijiem fi Frar ta’ tliet snin ilu minn żewġ supermarkets u stabbiliment u li ftit tal-ġimgħat qabel seraq ukoll karozza.

Il-Qorti qalet fis-sentenza tagħha li Ludwig Bugeja għandu mhux inqas minn 23 kundanna mill-Qrati, li jinkludu pussess ta’ droga, pussess aggravat, traffikar tad-droga, numru ta’ kundanni għal serq kwalifikat, ġieli anke bil-vjolenza, aggressjoni fuq membri tal-Pulizija, li kkaguna feriti ta’ natura gravi, frodi u ksur tal-liġijiet tas-sewqan.

Il-Qorti ordnat ukoll lill-ħati biex iħallas lill-persuni misruqa minnu, fosthom lill- persuna li nsterqitlu l-karozza l-ammont ta’ €3,500, li biha twettqu wkoll xi reati u għaldaqstant ġie ordnat li l-karozza Peugeot 206 tiġi konfiskata favur il-Gvern.

Ingħad ukoll li Bugeja ingħata diversi opportunitajiet minn diversi Qrati, imma ma tgħallem qatt. Mix-xhieda u mir-rapporti tal-Uffiċjal tal-Probation li kienet qed issegwi lill-imputat, jirriżulta li repetitutament ma’ ikkoperax magħha, lanqas li sempliċiment jattendi s-seduti li kienu skedati magħha, u wisq inqas beda xi forma ta’ pjan ta’ kura għar-rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga.

26 sena ta’ ħajja mimlija droga u nuqqas ta’ interess

Il-Qorti qalet li l-ħajja tal-imputat ghal dawn l-aħħar 26 sena, ma tħalli l-ebda dubju li Bugeja mhux kapaċi jibda u jsegwi l-programm ta’ riabbilitazzjoni jekk mhux f’ambjent konfinat u kontrollat, bħalma hija l-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin.

“Jeħtieg jekk verament irid jindirizza il-vizzju tiegħu ta’ abbuż ta’ droga li bl-ghajnuna tal-professjonisti li hemm ġewwa l-ħabs isir pjan ta’ kura bil-għan li l-istess imputat jista’ jikseb il-frott mixtieq minn kulħadd, fl-interess tiegħu kif ukoll fl-interess tas-soċjetà.

“In vista li l-imputat instab ħati li hu recidiv taht l-Artikolu 289 tal-Kodiċi Kriminali, l-Qorti hija tal-opinjoni li tenut kont taċ-ċirkostanzi tal-każ, il-piena għandha tiżdied b’żewg gradi. Huwa nstab ħati li wettaq reati viċin il-lokalitajiet fejn joqgħod instab ħati wkoll li sar reċidiv u minbarra s-sentenza ta’ ħabs kien ordnat mill-Qorti biex iħallas lura d-danni lill-vittmi ta’ dawn ir-reati.  Irriżulta wkoll li huwa kkommetta serq mill-istess supermarket darbtejn fi spazju ta’ ftit jiem.

Huwa nstab ħati li fil-21 ta’ Frar 2019 wettaq serqa minn supermaket f’Ħal Tarxien, liema  serq huwa aggravat bil-valur u li reġa mar f’dan is-supermarket erba’ t’ijiem wara u wettaq serqa oħra. Instab ħati kkommetta serqa oħra minn supermarket ieħor, li jinsab il-Fgura fl-20 ta’ Frar u li fit-13 ta’ Jannar tal-2019 seraq karozza tal-għamlu Isuzu.

Bugeja nstab ħati wkoll li fl-20 ta’ Frar 2019, ghall-habta ta’ 1:20 minn stabiliment f’Santa Venera, irrenda ruhu komplici f’serqa. Il-Manager tas-Supermarket misruq darbtejn kien irraporta l-Ghassa tal-Pulizija li kienu nsterqu xi oġġetti li ammont taghhom jeċċedi t-€300.

Il-Manager qal lill-Pulizija l-filmati tac-CCTV cameras juru lil din il-persuna tisraq l-affarijiet fiż-żewg dati differenti. Minn dawn il-filmati l-Pulizija waslu ghal konklużjoni li l-persuna li tidher qed tisraq fil-filmati huwa l-imputat, ghax hu magħruf mal-pulizija, u kellu diversi każijiet oħra l-Qorti.

Fl-1 ta’ Marzu 2019, persuna informat lill-Pulizija li ra ragel li jidher fil-filmati tas-serq fis-Supermarket tal-Fgura. Peress li gharfu, huwa flimkien ma xi persuni oħra żammewh milli joħroġ, u talbu lill-Pulizija biex imorru fuq il-post biex jarrestawh, kif fil-fatt ghamlu. Irrizulta li r-ragel li gie mizmum, kien l-imputat, li ġie arrestat.

Il-Pulizija ghamlet tfittxija fir-residenza ta’ Bugeja fejn gew elevati diversi affarijiet, inkluża ġakketta bajda li tidher fil-filmat tas-serqa tal-21 ta’ Frar 2019. Minn din il-ġakketta, l-Pulizija irrealiżżat li l-imputat kien involut ukoll f’serq ta’ vann tal-ghamla Isuzu. Dis-serq saret minn quddiem il-Bank of Valletta f’Raħal Ġdid.

L-ghada li nsterqet din il-vettura,, sidha nforma lill-Pulizija li kien pparkjata fil-park and ride tal-Marsa. Sakemm kien qed jistenna li jaslu l-Pulizija tal-forensika fuq il-post marret persuna u daħlet fil-vettura u telqet biha. Il-Pulizija analiżżat il-filmati tac-CCTV cameras tad-Detox Centre, tal-Pieta fid-data tat-13 ta’ Jannar 2019, fid-data tas-serqa tal-vann Isuzu – u f’din id-data jidher l-imputat bl-istess gakketta bajda dieħel fil-vann.

Il-Pulizija tasal għal żewġ persuni oħra

Waqt it-tfittxija li saret fir-residenza tal-imputat, il-Pulizija sabet karti tal-identità ta’ ċertu Roberta Ciangura u Charlot Calleja, li huma wkoll imfittxija mill-Pulizija fuq rapporti ta’ serq. Waqt din it-tfittxija, il-karozza tal-imputat, Peugeot ħadra irregistrata fuqu ma kinitx ipparkjata ħdejn ir-residenza, u hu qalilhom li ma jafx fejn huma ċ-ċwievet tagħha u lanqas kien jaf fejnhom iċ-ċwievet tar-residenza tiegħu.

Pero wara li  tressaq il-Qorti, mixli bl-ewwel tliet imputazzjonijiet, il-Pulizija reġgħu marru mal-imputat fir-residenza tiegħu, u din id-darba l-karozza kienet ipparkjata ħdejn ir-residenza, u meta daħlu fir-residenza sabu l-affarijiet ġewwa differenti minn kif ħallewhom fit-tfittxija preċedenti.

Kien hemm ukoll iċ-ċavetta tar-residenza u tal-karozza u kien jidher li xi ħadd kien ġewwa. Fir-residenza tal-imputat, il-Pulizija sabet ħwejjeġ oħra li jappartjenu lil Charlot Calleja u Roberta Ciangura, u dawn il-ħwejjeġ gew identifikati għaliex huma relatati ma’ serqa ohra li saret f’ħanut il-Ħamrun fl-20 ta’ Frar 2019, u jidhru fil-filmat tac-CCTV tal-ħanut dak in-nhar li saret is-serqa.

Minn investigazzjoni ulterjuri irriżulta lill-Pulizija li fl-20 ta’ Frar 2019 għall-ħabta tas-1.20pm, raġel u mara dahlu f’ħanut, fi Triq il-Kappillan Mifsud, Santa Venera. Mill-filmati tac-CCTV jirriżulta li dan ir-raġel kien liebes ġakketta blu, fil-waqt li l-mara kienet liebsa ġakketta ħamra. In oltre mic-CCTV irriżulta lill-Pulizija li ftit tal-hin warajhom daħal l-imputat liebes l-istess ġakketta bajda li tidher fil-filmati l-oħra u miexi bil-krozzi.

L-imputat beda jitkellem ma’ sid il-ħanut, mara ta’ nazzjonalità Ċiniża  dwar xi prodotti li kellha għal bejgħ. F’hin minnhom sid il-ħanut innutat li r-raġel u l-mara li daħlu qabel kienu qed jisirqu xi affarijiet. Hi ikkonfrontathom u dawn ħarġu mill-hanut.

Hi baqgħet issegwihom sakemm daħlu f’karozza Peugeot ħadra, u bdiet titlob jagħtuha lura l-affarijiet li serqu. Ħabiba tagħha ta’ nazzjonalita Ċiniża wkoll li kienet fil-ħanut, ħadet ritratt ta’ dak il-ħin tal-karozza u ta’ sid il-ħanut qed tkellem lil din il-koppja fil-karozza.

Il-ġakketta blu u l-ġakketta ħamra simili hafna ghal dawk li kienu libsin ir-ragel u l-mara f’din is-serqa instabu fit-tfittxija li saret fir-residenza tal-imputat. L-espert mahtur minn din il-Qorti, l-Inginier Jean Paul Azzopardi stima l-vettura misruqa bejn €3,500 u €4,500. Id-difiza attakat din il-valutazzjoni għaliex l-espert ma spezzjonax il-vettura fiżikament, pero ibbaża l-valutazzjoni tieghu fuq ir-ritratti u l-filmati tagħha mis-CCTV.

 Il-Qorti qalet ukoll li huwa diġa’ ingħata diversi opportunitajiet minn dawn il-Qrati biex jirriforma ruhu permezz ta’ ordnijiet ta’ probation, kif ukoll inghata diversi sentenzi karcerarji effettivi. Pero jidher li l-imputat baqa’ ma tgħallem xejn u ghadu jippersisti li jibqa’ jgħix fil-ħajja ta’ kriminalità li sfortunatament qabad snin twal ilu.

Jirrizulta mill-provi li l-imputat għandu problema ta’ tossiko-dipendenza tant li fis-sena 1995, huwa kien gia instab hati tal-imputazzjoni ta’ pussess semplici tad-droga eroina. Il-Qorti qalet li l-imputat mhux kapaċi jibda u jsegwi l-programm ta’ riabbilitazzjoni jekk m’hux f’ambjent konfint u kontrollat, bħalma hija l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa.