Mara anzjana li allegatament ġiet stuprata min carer Serb f’dar tal-anzjani fil-Mosta kellha qatgħa fil-parti tagħha, u testijiet mediċi wrew li dawn kienu kompatibbli ma’ pala ta’ id. L-espert forensiku Mario Scerri qal dan meta kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li quddiemha qed tinstema’ l-kumpilazzjoni ta’ Goran Pantelic ta’ 53 sena li jinsab mixli li stupra anzjana u li hija vulnerabbli f’Mejju tas-sena l-oħra, fejn ingħad li l-mara ssofri mid-dimenzja li ma setgħetx tiddefendi ruħha minħabba diżabbiltà medika.
Ħareġ li l-att ma sarx bil-parti privata tal-allegat ‘carer’ u saret ħsara fuq l-anzjana fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-parti tagħha. Ingħad li mhux normali li joħroġ daqstant demm minn mara ta’ l-età tagħha. L-amministrazzjoni tad-dar kien għamlet rapport lill-Pulizija wara li żewġ ‘carer’ oħra kienu sabu d-demm mal-lożor tal-anzjana. Il-Pulizija mill-ewwel bdiet tinvestiga l-każ bl-anzjana tgħidilhom x’kien seħħ fid-dat Central Home. Xhedu wkoll diversi Pulzija li kkonfermaw ir-rapport tal-inkjesta.
F’Novembru li għadda dan l-eks-impjegat fid-dar tal-anzjani kien ingħata l-libertà proviżorja mill-Qorti Kriminali. L-avukati ta’ Pantelic, Roberto Spiteri u Matthew Xuereb, kienu għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest, bl-argument li kellu rekord kriminali nadif u li ma kien hemm l-ebda riskju li l-akkużat jaħrab, u li kellu rabtiet qawwija ma’ Malta. L-Avukat Ġenerali kien oppona t-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq il-bażi li kien hemm biża’ qawwija li l-akkużat, ta’ nazzjonalità barranija, seta’ jaħrab, minħabba l-akkużi serji li qed jaffaċċja.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kienet qalet li minkejja li nstemgħu ħafna xhieda, l-allegata vittma ma kinitx xehdet. Qalet ukoll li hija “stramba” li l-Avukat Ġenerali ma talabx lill-qorti biex issejjaħ lill-pazjenta bid-dimensja u li dan il-fatt ma kienx tort tal-akkużat, iżda kien “għażla konxja” li saret mill-prosekuzzjoni u mill-Avukat Ġenerali.
Il-Qortikienet semgħet lill-mara tal-akkużat tixhed li kienet ilha 10 snin miżżewġa lill-akkużat u kienet ilha tgħix Malta. Hija esebit kuntratt ta’ kiri li kien juri li kellhom indirizz fiss. Il-mara, li taħdem bħala housekeeper f’lukanda kienet infurmat lill-Qorti li kienet taf bl-akkużi kontra żewġha u offriet li taġixxi bħala terza persuna garanti.
L-Imħallef osservat li, filwaqt li huwa minnu li l-akkużi ffaċċjati mill-akkużat kienu serji ħafna, iż-żmien ta’ detenzjoni tiegħu waqt li kien preżunt innoċenti kien wieħed twil. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Godwin Scerri.
//= $special ?>