Il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach mistenni jiltaqa’ mat-tennista Ċiniża Peng Shuai fil-jiem li ġejjin. Dan wara li Peng għamlet akkużi ta’ fastidju sesswali fil-konfront ta’ uffiċjal fil-gvern taċ-Ċina, b’Peng tisparixxi mix-xena għal ġimgħatejn sħaħ.
Sadanittant Peng kellha diversi laqgħat ma’ uffiċjali tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali permezz ta’ video-calls għalkemm bosta baqgħu xettiċi dwar is-sitwazzjoni tagħha fiċ-Ċina.
Bach qal li b’din il-laqgħa huma se jkunu jistgħu jaraw f’liema kundizzjoni mentali tinsab it-tennista Ċiniża bil-laqgħa mistennija ssir wara l-bibien magħluqa. Din il-laqgħa se ssir ukoll waqt li se jkunu għaddejin l-Olimpjadi tax-Xitwa f’Beijing.
L-assoċjazzoni tat-tennis tan-nisa (WTA) ħabbret f’Diċembru li għadda li se tkun qed tipposponi l-avvenimenti kollha fiċ-Ċina, fid-dawl tal-inċertezza dwar is-sitwazzjoni ta’ Peng Shuai.
//= $special ?>