Lokali

Tonqos l-art agrikola f’pajjiżna

Ċensiment li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wera li f’dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ persuni li jaħdmu fis-settur agrikolu, filwaqt li naqas ukoll in-numru ta’ artijiet li jintużaw għal dawn l-iskopijiet.

Dan iċ-ċenstiment sar sabiex tiġi studjata s-sitwazzjoni preżenti tal-bdiewa kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex – eżerċizzju li kien ilu ma jsir għaxar snin.

In-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu fis-settur agrikolu naqas b’iktar minn 25% parikolarment minħabba l-fatt li l-numru kbir ta’ bdiewa kibru fl-età. Filfatt din l-istatistika turi li kważi 24% biss ta’ dawn il-ħaddiema għadhom inqas minn 45 sena… bi 58% għandhom iktar minn 55 sena.

Dan is-settur iħaddem madwar 13,500 persuna, bi 13% minnhom qalu li jaħdmu 1,800 siegħa jew aktar. 87% saħqu li jaħdmu ferm inqas sigħat.

F’għaxar snin, in-numru ta’ artijiet li jintużaw għal skop agrikolu naqas bi kważi 15%. Dan filwaqt li l-ammont ta’ żoni agrikoli utilizzati naqas bi ftit iktar minn 6%.

Fl-2020 it-total ta’ artijiet li kienu jintużaw għal skopijiet agrikoli kienu jammontaw għal kwazi 10,500, bi 24% jinsabu fil-Punent tal-pajjiz…. filwaqt li 7% biss jinsabu lejn il-Grigal tal-gżejjer Maltin.

Dan iċ-ċensiment tefa’ dawl ukoll fuq in-numru ta’ annimali li jitrabbew għall-ikel fosthom il-ħnieżer, it-tiġieġ u l-baqar… b’dawn jonqsu bi 43%, 18% u 8% rispettivament. Fatt interessanti li joħroġ minn dan iċ-ċensiment hu li kien hemm żieda fin-numru ta’ nagħaġ, mogħoż u tiġieġ li jintużaw biex ibidu.