Fid-9 ta’ Frar 1992, 140 passiġġier waslu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fuq titjira diretta minn Moska. Dawn kienu l-ewwel passiġġieri li għaddew mit-terminal il-ġdid ta’ Malta, li kien ġie inawgurat il-ġurnata ta’ qabel.
Il-ġimgħa li ġejja timmarka mument importanti fl-istorja tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, hekk kif nhar it-Tlieta t-terminal jagħlaq 30 sena minn meta ġie inawgurat. Matul l-aħħar tliet deċennji, miljuni ta’ passiġġieri – aktar minn 75 miljun mill-privatizzazzjoni tal-ajruport fl-2002 – għaddew minn dan it-terminal.
L-inawgurazzjoni tat-terminal fl-1992 tat bidu għal era ġdida għall-industrija tal-avjazzjoni lokali u t-turiżmu. Il-binja, li nbniet fi żmien sentejn b’investiment ta’ madwar Lm12-il miljun, kienet imfassla sabiex takkomoda numru ta’ passiġġieri akbar fil-futur, bil-mira li eventwalment jintlaħqu 2.5 miljun passiġġier fis-sena.
L-iżvilupp kontinwu tat-terminal, partikolarment permezz ta’ investiment ta’ aktar minn €30 miljun f’żewġ estensjonijiet u rikonfigurazzjoni aktar reċenti li swiet €12-il miljun, ippermetta lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li fl-2019 biss jilqa’ kważi t-triplu tan-numru ta’ passiġġieri annwali li kien fil-mira fid-disgħinijiet. Fl-2019 l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien temm sena eċċezzjonali b’rekord ta’ 7.3 miljun passiġġier, li minnhom 2.8 miljun kienu turisti, qabel ma l-pandemija tal-COVID-19 tat daqqa ta’ ħarta lill-ivvjaġġar fl-2020.
“Minkejja l-inċertezza li qed tkompli tikkundizzjona lill-industrija tagħna, inħossu li dan l-anniversarju jagħtina l-opportunità li nħarsu lura – flimkien mal-pubbliku – lejn in-nies, il-mumenti, l-investimenti u l-isfidi li sawru dawn l-aħħar 30 sena fi vjaġġ li jagħmilna tassew kburin. Nittamaw ukoll li permezz ta’ dan l-anniversarju nqanqlu fin-nies kurżità dwar dak li hemm imħejji għall-ajruport għas-snin li ġejjin, hekk kif naffermaw l-impenn tagħna li nirkupraw mill-effetti tal-pandemija u nkomplu naħdmu sabiex l-ajruport ikun wieħed fost l-aqwa fl-Ewropa,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg.
Matul dawn l-aħħar snin, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ma baqax biss terminal, iżda sar komunità. In-numru ta’ persuni li jaħdmu hawnhekk bħalissa jlaħħaq is-7,000 ruħ; numru li huwa kumparabbli mal-popolazzjoni ta’ raħal tipiku Malti. Filwaqt li għadd ta’ individwi huma impjegati direttament mal-kumpanija li topera l-ajruport, il-maġġoranza jaħdmu ma’ kumpaniji u entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ sapport li jvarjaw mit-tindif sal-ground handling, u l-iskrining tas-sigurtà tal-passiġieri sal-kontrolli tal-passaport.
Fl-2022, ser tkompli tittejjeb l-esperjenza fit-terminal permezz tal-ftuħ ta’ Food Court rinovata li ser ikollha dehra ħafna aktar sofistikata u varjetà ta’ ikel usa’. Il-Food Court oriġinarjament ġiet introdotta bħala parti mit-terminal fl-2009, meta l-binja kienet saritilha estensjoni li ġabet magħha titjib kbir fil-faċilitajiet u tat id-dehra ikonika li l-faċċata tat-terminal għad għandha sal-lum. Proġett ieħor li ser jittrasforma parti mit-terminal matul ix-xhur li ġejjin huwa l-espansjoni taż-żona fejn isiru l-kontrolli tad-dwana, bil-għan li l-esperjenza tal-passiġġieri f’dan il-punt tal-vjaġġ tkompli titjieb.
Żewġ proġetti oħrajn li huma ppjanati u li ser jippermettu li jkun hemm aktar tkabbir, kemm fir-rigward tan-numru ta’ passiġġieri u kemm fir-rigward tas-segment tal-proprjetà u l-bejgħ tal-kumpanija, huma l-iżvilupp ta’ Apron X u l-bini ta’ SkyParks 2.
//= $special ?>