It-tberbiq u l-ħela tal-Gvern ikomplu, hekk kif minbarra l-mijiet ta’ eluf li ħerġin mill-Awtorità tat-Turiżmu… il-Ministru Clayton Bartolo l-weekend li għadda sparpalja bagatella flus mit-taxxi tal-poplu biex hu u sħabu setgħu jagħmlu ‘party’ bl-iskuża tal-Malta Film Awards.
Bartolo kien ilu aktar minn xahrejn jaf li l-biċċa l-kbira tal-producers f’pajjiżna kienu se jibbojkottjaw dawn l-awards għas-sempliċi raġuni li l-infiq li kien se jsir fuqu ma kienx jagħmel lanqas nitfa sens meta wieħed iqabblu ma’ dak li tingħata l-Kummissjoni tal-Films mill-Gvern Laburista.
Iżda Bartolo baqa’ għaddej jistina rasu li jrid jagħmel dawn l-awards li għalihom attendew hu, il-Ministru Carmelo Abela u l-Ministru Jose Herrera kif ukoll Johann Grech, il-Kummissarju Malti għall-films.
Persuni midħla tal-industrija illi tkellmu ma’ Net News qalu li dan l-isparpaljar huwa biss farka ħdejn dak li ilu għaddej u qed ikompli għaddej minn taħt imnieħer il-Mininstri tal-Gvern fl-MTA.
Fl-2019, Lionel Gerada, DJ u llum direttur fl-awtorità, mar mawra sa Puerto Vallarta fil-Messiku minn fuq l-MTA, u miegħu marru erba’ minn nies oħra. Iż-żjara kellha tkun waħda edukattiva dwar il-festivals tan-nar u kellhom jattendu għal simopożju propju dwar dan.
Biex jagħmlu hekk, intbagħtu ħamsa minn nies, f’resort lussuża ta’ ħames stilel, u r-riżultat ta’ din iż-żjara ħadd ma jaf ezatt x’kien. Lanqas ma nafu kemm il-għexieren ta’ eluf ta’ ewro ħallas il-ħaddiem Malti għaliha.
Dan l-infiq ma waqafx fl-2019, u sa ftit tal-ġimgħat ilu kontinġent kbir Malti nbtagħat Dubai għall-Expo, u anke ha, il-prezz li tħallas mit-taxxi tagħna ma nafuhx u aktar minn hekk, ma nafux fiex issarfet din iż-żjara.
Kwistjoni oħra li qed tqajjem ħafna mistoqsijiet fost il-ħaddiema tal-MTA hija dik ta’ Michael Piscopo. Piscopo huwa d-Direttur tad-Digital Marketing fi ħdan l-MTA.
Sorsi li tkellmu ma’ Net News qed isostnu li Piscopo twarrab għal kollox mid-Dipartiment li jmexxi, u ntbagħat id-dar, biex jissejjaħ biss l-uffiċju meta jkollu bżonnu Johann Buttigieg. U sadanittant, id-Digital Marketing ħatfu taħt idejh Lionel Gerada.
Ħaddiema tal-MTA qed jgħidu li dawk l-aktar intiżi fil-qasam qed jitwarrbu, biex minflok qed jidħlu nies bla esperjenza meħtieġa, moħħhom biss biex itajjru l-flejjes biex igawdu huma. U quddiem dan kollu il-Ministru Clayton Bartolo u l-Prim Ministru Robert Abela jibqgħu ċassi u jibqgħu ma jeżiġux tweġibiet mingħand il-Kap Eżekuttiv tal-Awtoritat tat-Turiżmu Johann Buttiegieg.
Buttigieg u Robert Abela ħadmu id f’id bejn l-2013 u l-2019. F’dan il-perjodu, Robert Abela kien qed jagħmel xogħol legali għall-Awtorita tal-ippjanar, dak iż-żmien immexxija propju mill-istess Buttigieg. Kuntratt li dan l-aħħar kien żvelat illi swiena mas-€17,000 fix-xahar.
Buttigieg huwa l-legat ta’ Joseph Muscat, li kien poġġieh fit-tmexxija tal-MTA. U hu, minn naħa tiegħu, kien ta’ kuntratt ta’ €90,000 lill-eks Ministru Konrad Mizzi eżatt meta dan irriżenja.
Johann Buttiegieg kien ukoll fl-aħbarijiet meta kienet żvelata il-ħbiberija mill-qrib li kellu ma’ Yorgen Fenech u li kien saħansitra talbu li jdaħħlu jaħdem miegħu.
Intant llum, Robert Abela Prim Ministru, qed jidher dgħajjef ferm fil-kontront ta’ nies bħal Johann Buttiegieg li s-saħħa tagħhom tidher li ġejja propju mingħand il-predeċessur ta’ Abela, Joseph Muscat.
//= $special ?>