Lokali

Il-Gvern jerġa’ jħalli l-koppji li qed jagħmlu l-IVF joħorġu l-eluf minn buthom

Għexieren ta’ koppji li bħalissa jinsabu għaddejjin bit-trattament tal-IVF bit-tama li jkunu jistgħu ikollhom tarbija fix-xhur li ġejjin jinsabu mweġġgħin ferm għall-mod kif il-Gvern qed ikaxkar saqajh fuq wegħda li kien għamel li minn din is-sena, il-mediċini marbuta ma’ dan it-trattament jigħatawlhom b’xejn.

Persuni li tkellmu ma’ NetNEWS qalulna li sa issa diġa nefqu mat-€3,000 fuq mediċini u trattament fl-ewwel xahar ta’ din is-sena. Spiża li ma kinitx prevista għaliex il-Gvern Laburista kien wiegħed li din se tkun aċċessibbli b’xejn mill-2022.

Filfatt kien f’Ġunju li għadda li d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kien ħabbar dan wara pressjoni kbira li kien ilu għemel għal ġimgħat sħaħ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li kien sema’ u fehem il-weġa’ finanzjarja li kienu qed ikollhom ibatu dawn il-familja minbarra t-tbatijiet l-oħra.

Is-sorsi tagħna li bħalissa għaddejjin minn dan it-trattament qalulna li meta staqsew lill-Ministru tas-Saħħa meta se jkunu jistgħu jibdew jieħdu t-trattament b’xejn, it-tweġiba kienet waħda bierda u fejn sempliċiment qallhom li ‘meta jasal il-waqt’ ikunu jafu.

U l-Gvern reġa’ ddiżupantahom il-Ġimgħa waranofsinjar meta Fearne sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet li tulha kienu qed jittamaw li se jħabbar il-bidu ta’ din l-iskema, u minflok reġa’ wiegħed dak li wegħdhom ġa seba’ xhur ilu.

Koppja li trid tagħmel dan it-trattament tonfoq medja ta’ €3,000 għal prova waħda, u jekk dan ifalli, ftit tal-ġimgħat wara jibda ċiklu ieħor, fejn f’temp ta tmint ijiem wieħed jonfoq madwar €1,200 oħra.

Dan kollu, spjegawlna, jiġi wara xhur u ħafna drabi snin ta’ appuntamenti ma’ tobba u ġinekologi privati li jkunu swewlhom ħafna u ħafna eluf oħra.

Magħhom trid iżżid il-vitamini u mediċini addizzjonali li iweħed ikun jeħtieġ jieħu.. mediċini li ħafna drabi jridu jittieħdu kemm mill-mara kif ukoll mir-raġel.

Dawn l-ispejjeż, li mhux kulħadd jista’ jlaħħaq magħhom, ikomplu jżidu mal-istress psikoloġiku li jkunu għaddejjin mimmnhom ħafna koppji li jkunu qed jippruvaw ikollhom tarbija.

Hu għalhekk li dawn qed jappellew sabiex il-Gvern iżomm kelmtu u jinkludi t-trattamenti u l-mediċini fil-lista’ ta’ servizzi li jagħti b’xejn, kif wiegħed seba’ xhur ilu.