Il-familja ta’ Paulina Dembska ħadet xokk meta ilbieraħ kienet qed tistenna l-wasla tal-katavru biex tkun tista’ ssir id-difna.
Dan hekk kif il-katavru, skont informazzjoni li kiseb Net News, u li aktar tard kienet ikkonfermata minn kelliema għall-AirMalta għal xi raġuni ma tpoġġiex abbord l-ajruplan li kellu jitlaq minn Heathrow lejn il-Polonja.
L-istess kelliema qalilna li l-fdalijiet ta’ Dembska tniżżel mit-titjira tal-AirMalta u mbagħad dan għadda f’idejn kumpanija oħra responsabbli biex titpoġġa fuq titjira oħra ta’ linja tal-ajru barranija bejn Heathrow u Varsvaja.
Iżda għal xi raġuni dan ma sarx, bit-titjira titlaq mingħajr il-katavru. Eventwalment dan tpoġġa fuq titjira oħra li waslet il-Polonja aktar kmieni llum.
F’kuntatt li sar mal-familja tal-Pollakka, ġie konfermat li f’Heathrow seħħet “taħwida sħiħa” u ma setgħux isibu fejn tniżżel il-katavru. “Il-familja tinsab imkissra”, spjegaw is-sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit.
Paulina Dembska, żagħżugħa Pollakka ta’ 29 sena, inqatlet kiesaħ u biered fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema fit-2 ta’ Jannar.
Il-vittma kienet instabet kważi bla ħwejjeġ, taħt ħajt u f’għadira demm.
Il-funeral ta’ Paulina hu skedat li jsir għada.
Kelliem għall-AirMalta kkonferma ma’ Net News li l-katavru tal-Pollakka telaq minn Malta u twassal Londra. Fejn minn hemm kellu jsir it-trasferiment għal titjira oħra.
//= $special ?>