Lokali

Il-Malta Co-operative Federation f’laqgħa pożittiva mal-PN fejn ġew ippreżentati numru ta’ proposti għall-koperattiv Malti

L-Erbgħa saret laqgħa bejn il-Malta Co-operative Federation (MCF) u rappreżentanti tal-PN, id-Deputat Edwin Vassallo u l-kandidat Alex Perici Calascione fejn ġie ppreżentat dokument ta’ proposti bl-isem ta’ ‘Noħorġu l-potenzjal koperattiv ta’ Malta’… liema laqgħa tqieset bħala waħda pożittiva hekk kif kien hemm qbil li l-mudell koperattiv jista’ jkun għodda importanti ħafna biex f’Malta jiżdied l-investiment, jitkattar iktar xogħol vijabbli, u iktar nies isiru protagonisti fil-ħolqien tal-ġid.

Il-proposti ġew maqsuma f’erba’ taqsimiet:

  1. Rikonoxximent tal-potenzjal koperattiv fuq livell politiku;
  2. It-tisħiħ tal-qafas leġiżlattiv;
  3. Nipprovdu l-aqwa ambjent għal parteċipazzjoni effettiva tal-komunita`;
  4. L-edukazzjoni u l-għarfien li jwasslu għat-twaqqif ta’ koperattivi f’setturi differenti u ġodda tal-ekonomija.

Waqt din il-laqgħa, l-MCF appellat biex fuq livell politiku isir iktar sforz biex jinħoloq l-ambjent neċessarju biex il-mudell koperattiv ta’ negozju jiżviluppa iżjed.

Il-Malta Co-operative Federation taħdem biex jiżdied iktar l-għarfien dwar il-mudell koperattiv u tgħin biex jitwaqqfu koperattivi ġodda f’oqsma differenti tal-ekonomija Maltija.