Lokali

Il-PN bi proposti favur pazjenti li qed jiġġieldu l-kanċer għal tama u wens lill-familji

“Il-Partit Nazzjonalista jemmen li hemm bżonn iktar investiment biex intejbu l-kwalità tal-kura tal-kanċer f’pajjiżna.”

Kien dan il-messaġġ tal-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista, Peter Agius u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa, Stephen Spiteri meta fil-Jum Dinji għall-kontra l-kanċer saret konferenza tal-aħbarijiet fuq barra taċ-ċentru tal-onkoloġija.

Peter Agius saħaq li pajjiżna għandu jaħseb bis-serjetà biex jinvesti f’ dawk il-persuni li kontinwament qed jiġġieldu l-battalja kontra l-kanċer.

“Pajjiżna għandu jkollu ambizzjoni akbar biex itejjeb il-kura tal-kanċer,” saħaq Agius.

Minn naħa l-oħra, Stephen Spiteri saħaq dwar l-importanza li kemm il-pazjenti li qed jiġġieldu l-kanċer u anke l-qraba tagħhom, jingħataw is-sapport u l-għajnuna kollha meħtieġa.

“Nemmnu li hemm bżonn iktar investiment biex intejbu l-kwalità ta’ kura f’pajjiżna,” saħaq Spiteri.

U kien għalhekk li matul il-konferenza, il-Partit Nazzjonalista nieda 13-il poposta għal investiment kontinwu għat-trattament tal-kanċer, fosthom:

  1. Jitwaqqaf Clinical Research Unit li jagħti l-opportunita ta’ trial ta’ prodotti farmaċewtiċi innovattivi. Dan mhux biss jagħti tama ġdida lill-familji permezz tal-aktar soluzzjonijiet avvanzati, iżda jkabbar il-potenzjal ta’ Malta fis-settur tal-Life Sciences;
  2. Niżviluppaw aktar ftehim bilaterali ma’ pajjiżi bi speċjalizzazzjoni f’tipi ta’ kura partikolari (eż. il-Ġermanja) biex il-pazjenti jgawdu mill-kura ta’ kwalita għolja anke jekk din ma tkunx offruta f’Malta;
  3. Noħolqu Walk-In Clinic li jopera 24 siegħa kuljum biex jagħti assistenza immedjata lill-pazjenti u lill-familjari tagħhom. Ma’ dan, inwaqqfu sistema diġitali ta’ electronic health għall-pazjenti tal-onkoloġija li jkunu qed jiġu ttrattati mid-dar sabiex ikunu jistgħu jiġu segwiti millprofessjonisti b’mod remot u aktar effettiv;
  4. Nintroduċu sistema moderna ta’ Ambulatory Chemotherapy biex il-pazjenti jkunu jistgħu jiġu assistiti minn djarhom stess. Dan jgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjonijiet ulterjuri filwaqt li jkunu mmexxija aħjar ir-riżorsi fissi tal-isptarijiet; Il-komoterapija ambulanti u l-kemoterapija l-oħra fl-isptar tibda tiġi provduta wkoll mill-isptar ġenerali ta’ Għawdex biex jiġi evitat l-iskariġġ għal pazjenti Għawdxin li jridu jieħu l-kemoterapija regolarment ġo Malta;
  5. Nallokaw il-finanzjament neċessarju biex noffru l-kura mingħajr ħlas permezz ta’ mediċini first-line kif ukoll second-line li jkunu approvati mill-Aġenzija tal-Mediċini Ewropea;
  6. Il-formolarju għandu jiġi aġġornat biex joffri l-aktar mediċini ġodda mingħajr il-bżonn li l-pazjenti jiddependu fuq entitajiet oħra u li jiżgura li l-gvern iqassam il-fondi pubbliċi aħjar;
  7. Jitwaqqaf Drug Fund li jkopri indikazzjonijiet speċifiċi biex pazjenti li jkunu eliġibbli jsibu l-għajnuna b’mod awtomatiku mingħajr il-bżonn ta’ proċessi burokratiċi.

Intant, it-tema magħżula għal din is-sena kienet “Close The Care Gap”, bl-enfażi tkun biex ma jkunx hemm diskrepanza bejn il-kura li tingħata f’pajjiżi żviluppati u dawk inqas.

F’pajjiżna il-medja ta’ mwiet ikkaġunati minn xi tip ta’ kanċer hija ta’ wieħed minn kull erba’.