Illum jingħata bidu għall-24 edizzjoni tal-Olimpjadi tax-Xitwa f’Beijing. Wara li ospitat l-edizzjoni tal-Olimpjadi tas-sajf fl-2008, Beijing se ssir l-ewwel belt li se tospita edizzjonijiet tas-sajf u tax-xitwa tal-Olimpjadi.
Madwar 3000 atleta minn 91 nazzjoni se jkunu qed jikkompetu għal 109 midalja tad-deheb f’seba’ kategoriji. Il-preparazzjoni għal din l-edizzjoni tal-Olimpjadi tax-Xitwa f’Beijing kienet kkaraterizzata minn kontroversja, b’diversi protesti u boycotts, minħabba allegazzjonijiet ta’ ksur fid-drittijiet umani tal-persuni li kkontribwixxew fl-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment.
Fost il-kategoriji tal-isport li l-atleti se jkun qed jikkompetu fihom nsibu l-Alpine Skiing, Biathlon, il-Bobsleigh, il-cross country skiing, il-curling, il-figure skating, freestyle skiing, ice-hockey, Luge, Nordic combined, short track speed skating, skeleton, ski jumping, snowboarding u speed skating.
Malta se tkun irrappreżentata minn Jenise Spiteri fl-isnowboarding fejn ikkonfermat postha fil-logħob li se jsiru bejn l-4 u l-20 ta’ Frar, meta kellha prestazzjoni mill-aqwa fid-dixxiplina tal-half-pipe fit-Tazza tad-Dinja li kienet qed issir fl-Iżvizzera.
//= $special ?>